Il-COLA lanqas tkopri ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel
…minkejja ż-żidiet ta’ €9.90 fl-2023 u €12.81 din is-sena
Il-Kumpens għall-Għoli tal-Ħajja (COLA) mhux qed iżżomm il-pass mal-inflazzjoni peress li lanqas iż-żieda ta’ €12.81 fil-ġimgħa li qed tingħata fl-2024, mhi se tkun biżżejjed biex tkopri l-ispiża addizzjonali għall-ikel u oġġetti essenzjali
Skont stima preliminari bbażata fuq studju tal-prezzijiet minn tliet supermarkets ewlenin li qed isir mill-UHM Voice of the Workers, il-familji xorta se jmorru minn taħt. Jirriżulta li matul is-sentejn li għaddew, familja ta’ erbgħa ħarġet medja ta’ €927 aktar minħabba żidiet fil-prezzijiet. Jekk wieħed jassumi l-iffriżar tal-prezzijiet minn issa sa tmiem din is-sena, din l-ispiża addizzjonali se titla’ għal €1,766 – li hija l-ispiża żejda għall-2022, 2023 u 2024.
Min-naħa l-oħra matul dan il-perjodu iż-żieda totali kumulattiva f’salarju annwali b’riżultat tal-COLA kienet ta’ €2,060. Din iż-żieda tinkorpora l-€1.75 għall-2022, €9.90 għall-€2023 u €12.81 għall-2024. Madankollu, il-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema mhux se jirċievu l-ammont sħiħ peress li l-COLA hija taxxabbli. Għalhekk, dawk li għandhom dħul medju-baxx li huma ntaxxati bi 15% se jieħdu €1,751 li jfisser li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel biss se tiekol din iż-żieda fil-pagi. Għalhekk, iridu jħallsu minn ġewwa biex ikopru spejjeż addizzjonali bħall-manutenzjoni tad-dar, ħwejjeġ, mediċini, materjal edukattiv u servizzi.
Is-sitwazzjoni tmur għall-agħar għal dawk li għandhom dħul medju peress li din il-kategorija hija ntaxxata b’25% jiġifieri li se jieħdu biss żieda annwali fil-COLA ta’ €1,545. F’dan il-każ l-ammont mhux biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż addizzjonali għax-xirjiet ta’ affarijiet essenzjali u se jispiċċaw minn taħt b’€221.
L-UHM Voice of the Workers ilha tinsisti għal din l-aħħar sena li l-COLA m’għandhiex tiġi ntaxxata peress li din hija miżura inġusta li qed tolqot ħażin lill-familji bi dħul baxx jew medju. Madankollu, s’issa l-gvern injora din is-sejħa. Konsegwentement, l-impatt tal-mekkaniżmu COLA qed mdgħajjef.
Minn dan l-istudju joħroġ ukoll li f’sentejn biss, l-ispiża tal-oġġetti tal-merċa minn tliet supermarkets kbar f’Malta żdiedet bi 17%, u b’hekk ikkonferma li l-inflazzjoni qed tolqot l-aktar il-prezzijiet tal-ikel. Iċ-ċifra hija ferm ogħla mir-rata ġenerali tal-inflazzjoni li hi madwar 5%.
Jirriżulta li f’medda ta’ sentejn biss basket tax-xirja għal familja ta’ erba’ persuni żdied b’medja ta’ €23.