Il-Budget u l-isfidi li għandna quddiemna
Il-Budget 2023 kien fih miżuri biex jittaffa l-impatt tal-għoli tal-ħajja imma nieqes minn direzzjoni ekonomika, miżuri ambjentali u viżjoni fit-tul.
Il-UHM Voice of the Workers tesprimi s-sodisfazzjon li l-Gvern laqgħa l-proposta xprunata minnha bl-appoġġ tal-unions ewlenin l-oħra dwar il-COLA u biex tkun imħarsa r-relattività fil-pagi tal-ħaddiema tas-settur pubbliku u entitajiet governattivi. Permezz ta’ din il-proposta dawn il-ħaddiema se jieħdu bejniethom €10 miljun. Li kieku ma kienx għal din il-proposta din is-sena ħafna ħaddiema fiċ-ċivil u f’entitajiet pubbliċi ma kienux se jieħdu żieda tal-għoli tal-ħajja u r-relattività bejn il-gradi kienet tittiekel.
Is-sena d-dieħla t-tkabbir ekonomiku se jkun qed jonqos minn 6% għal 3.5%. Dan jista’ jkun li twassal għal inqas dħul fil-finanzi tal-Gvern. Minkejja li jelenka diversi proġetti kapitali, il-Budget fih nuqqas ta’ viżjoni u dettalji dwar l-istrateġija ekonomika fit-tul u s-setturi ekonomiċi ġodda. Din li-kritika mhux l-ewwel darba li saret u jidher għalhekk li dan l-aspett partikolari ftit qed jingħata prijorità.
Fil-preżent il-pajjiż jeħtieġ investiment fir-riżorsi umani, biex il-ħaddiema jtejbu l-ħiliet u jkunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet li jħallsu aħjar. Il-Budget ma jsemmix kif se tiżdied il-produttività biex issir il-bidla minn ekonomija tal-kwantità għal waħda ibbażata fuq il-kwalità u l-valur miżjud.
Dwar l-ambjent il-Budget ma fihx proposti konkreti kif se nindirizzaw problema tat-traffiku, kif se tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u kif se jiżdiedu l-ispazji pubbliċi u rikreattivi għall-familji.
Il-UHM tinnota li minkejja li l-Budget jirreferi għall-ħidma tal-imsieħba soċjali, m’hemmx dettalji ta’ kif dawn se jkunu strument li permezz tiegħu jitħarrġu l-ħaddiema. Malta għandha timxi fuq l-eżempju ta’ pajjiżi oħra Ewropej fejn il-unions għandhom rwol qawwi fit-taħriġ.
Dan il-Budget injora l-kwistjoni tal-foremen tax-xatt li ilha tkarkar snin u li magħhom għadha ma saritx ġustizzja.
Il-UHM b’dispjaċir tinnota li diversi proposti importanti kienu injorati. Dawn jinkludu dik biex ma titħallasx taxxa fuq il-bolla, ħlas doppju fil-Ħdud għal kulħadd u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja – biex ġenituri li t-tnejn jaħdmu ikollhom id-dritt tar-reduced hours.
Għal sena oħra il-Gvern reġa’ żied in-nefqa lil Steward Health Care li minn €50 miljun fl-2021, ħadet €70 miljun fl-2022 u issa se tieħu €93 miljun. Sfortunatament il-Gvern ma sabx flus biex ħaddiema li kienu trasferiti minn Steward għal mal-Gvern jingħatawlhom is-snin ta’ servizz li diġà kellhom u minflok kellhom jerġgħu jibdew mill-iskala t’isfel. Din hi sitwazzjoni li jeħtieġ li tkun indirizzata mill-iktar fis.
Huwa fatt li l-ebda Budget ma jista’ jindirizza l-problemi kollha f’daqqa. Iżda min naħa l-oħra ma jistax ikun li ċertu riformi jew tibdil fid-direzzjoni ekonomika jibqgħu jitwarrbu minn sena għall-oħra. Għalhekk filwaqt li hu tajjeb li jittieħdu passi biex ikunu indirizzati sfidi fl-immedjat, ikun żball jekk fil-Budget ma nħarsux lil hinn minn dak li se jkun qed jiġri fix-xhur u l-ġimgħat li ġejjin.