Il-Budget tal-UE għas-sena d-dieħla għandu jiffoka fuq iż-żgħażagħ, jgħidu l-Ewro Parlamentari f’resoluzzjoni. Prijoritajiet oħrajn huma t-tkabbir, is-sigurta’, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-migrazzjoni. 

Ir-resoluzzjoni, li tistabbilixxi l-prinċipji għall-Ewro Parlamentari biex isegwu fin-negozjati tal-budget 2019 mal-Kunsill, kienet ippreparata mir-rapporteur Daniele Viotti u approvata bi 399 vot favur, 146 vot kontra u b’87 astensjoni. 

Din hi l-ewwel tweġiba tal-Parlament lill-abbozz ta’ budget tal-UE għall-2019, kif preżentat mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Mejju. 

Fit-test, l-Ewro Parlamentari: 

  • Jgħidu li l-Inizjattiva tax-Xogħol għaż-Żgħażagħ tal-UE (YEI) għandha tissaħħaħ aktar, filwaqt  li jinnotaw li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli minn dak fl-2007; 
  • Jiddispjaċihom għad-daqs żgħir taż-żieda għall-programm  tal-UE dwar  il-Kompetittivita’ tal-Intrapriżi u Intrapriżi Żgħar  u Medji (COSME) u jfakkru li dan  hu “programm li  kiseb  suċċess li għandu ħafna aktar applikanti milli benefiċjarji ta’ fondi”; 
  • Jilqgħu ż-żidiet proposti għall-programmi ta’ riċerka Horizon 2020, il-Faċilita’ Connecting Europe (investimenti għall-infrastruttura), Erasmus+ u programmi biex jgħinu fit-tisħiħ tas-sigurta’ għaċ-ċittadini Ewropej. Madankollu, huma wkoll jgħidu li l-budget għal Erasmus+ għandu “mill-inqas jirdoppja”. 
  • Jemmnu li l-assigurazzjoni fis-sigurta’ taċ-ċittadini Ewropej u li jiġu  indirizzati  l-isfidi marbutin mal-migrazzjoni u r-refuġjati għandhom jibqgħu “t-tieni l-aktar prijoritajiet tal-Unjoni fl-2019” u u  jqisuha kruċjali li l-infiq f’dawn l-oqsma jinżamm “f’livell li jkun adekwat biex jirrispondi għall-ħtiġiet tal-kriżi dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati”; 

U 

  • Jitolbu żieda fin-nefqa dwar il-klima, sabiex l-UE tkun kapaċi tilħaq il-miri tagħha (mill-inqas 20 fil-mija tal-budget tal-UE għandu jkun relatat mal-klima fil-perijodu 2014-2020). 

Il-Parlament addotta l-prijoritajiet tiegħu għall-budget 2019 fil-15 ta’ Marzu 2018 (Il-“linji gwida ġenerali għall-preparazzjoni tal-budget 2019”).