Il-Brexit Steering Group iwieġeb għal dokument Ingliż dwar iċ-ċittadini Ewropej fir-Renju Unit
Il-Brexit Steering Group fi ħdan il-Parlament Ewropew wieġeb għad-dokument tal-Gvern Ingliż bit-tema EU Settlement Scheme statement of intent, li jiddeskrivi kif iċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom jistgħu jiksbu d-dritt li jgħixu fir-Renju Unit.
Guy Verhofstadt, il-Koordinatur tal-Brexit fi ħdan il-Parlament Ewropew, stqarr li “filwaqt li ħaddna nota u lqajna d-dikjarazzjoni tal-Gvern Ingliż li jfisser kif l-iskema se taħdem, xorta għad għandna diversi punti ta’ tħassib. Qed nitolbu lill-Gvern Ingliż sabiex iressaqhom fil-fażi ta’ konsultazzjoni u testjar tal-iskema qabel ma ssir it-tnedija uffiċjali.”
“Inħeġġu lill-Gvern Ingliż sabiex jipprovdi, malajr kemm jista’ jkun u bil-quddiem, id-dettalji tal-abbozz ta’ liġi dwar il-poteri u r-responsabbiltajiet ta’ Awtorita’ Indipendenti ta’ Monitoraġġ (IMA) għaċ-ċittadini tas-27 stat membru fir-Renju Unit. Hu importanti li din l-awtorita’ indipendenti, li se tkun kapaċi li tmexxi l-inkjesti, tirċievi l-ilmenti u tieħu azzjoni legali quddiem qorti jew tribunal Ingliż, tibda tiffunzjona mit-30 ta’ Marzu 2019.”
“L-Ewro Parlamentari għadhom mhux kuntenti li ċ-ċittadini mis-27 stat membru tal-UE fir-Renju Unit, li kkontribwew fis-soċjeta’ Ingliża u ħallsu t-taxxi tagħhom, iridu jħallsu għar-reġistrazzjoni. Nibqgħu nemmnu li dan il-proċess għandu jkun bla spejjeż u nżommu mal-pożizzjoni dejjiema tal-Parlament Ewropew fuq din il-kwistjoni.”
“Irid isir aktar sabiex nassiguraw li ċittadini vulnerabbli Ewropej jinqdew sewwa, u d-dewmien kollu li jħabbtu wiċċhom miegħu ċ-ċittadini bil-proċess innifsu tar-reġistrazzjoni, ma joħloqx ansjeta’ bla bżonn.”
“Il-Brexit Steering Group qabel li jinvestiga l-limitu li għalih is-27 stat membru Ewropew ippreparaw għall-implimentazzjoni għall-ftehim tal-irtirar rigward iċ-ċittadini Ingliżi fir-reġjun. Il-Parlament Ewropew se jiġġieled għad-drittijiet ta’ dawk kollha milquta bil-Brexit.”