Wieħed mir-rwoli tal-MEUSAC bħala aġenzija tal-Gvern hu li tipprovdi informazzjoni dwar il-fondi Ewropej. L-implimentazzjoni ta’ proġett finanzjat mill-UE tiġi b’ċertu obbligi, inkluż il-promozzjoni tar-riżultati u l-impatt tal-proġett fuq il-partijiet interessati rilevanti. 

Għal dan il-għan, il-MEUSAC qed torganizza sessjoni virtwali fil-bini tal-kapaċità dwar it-tixrid u l-isfruttament ta’ riżultati fi ħdan proġetti finanzjati mill-UE. Il-kontenut tas-sessjoni mhux se  jkun  marbut ma’ xi programm partikulari ta’ fondi Ewropej, anzi ma’ prinċipji ġenerali li huma applikabbli għall-proġetti kollha finanzjati mill-UE. 

Matul is-sessjoni, il-parteċipanti se jkollhom opportunità li jistaqsu mistoqsijiet li  jista’ jkollhom dwar il-kontenut tal-preżentazzjoni. Qed ikun imħeġġeġ li, dawk li għandhom mistoqsijiet relatati ma’ proġetti għaddejjin bħalissa, jikkuntattjaw direttament lill-MEUSAC għal iżjed gwida peress li s-sessjoni qed tkun organizzata għall-provvediment ta’ tagħrif ġenerali dwar il-kunċetti ta’ tixrid u sfruttament ta’ riżultati. 

Din  is-sessjoni fil-bini tal-kapaċità qed tkun organizzata bħala parti minn ġimgħa ta’ attivitajiet li se tkun qed issir matul l-ewwel ġimgħa ta’ Novembru 2020. Is-sessjoni fuq it-tixrid u l-isfruttament ta’ riżultati ta’ proġetti se tkun qed issir fl-4 ta’ Novembru bejn l-10 a.m. u nofsinhar. Sabiex tirreġistra, ibgħat  email fuq  info.meusac@gov.mt. 

Għal aktar  informazzjoni kkuntattja lil MEUSAC fuq 2200 3300.