Il-bidla fil-klima hi waħda mill-fatturi li qed iżżid il-ġuħ dinji
L-estremitajiet fit-temp kawżati mill-bidla fil-klima diġa’ qed jolqtu l-ħsad u provvisti tal-ikel madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa. Dan ħareġ minn rapport tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar is-sigurta’ fl-ikel li fisser, fost oħrajn, kif il-bidla fil-klima qed tkun waħda mill-fatturi prinċipali biex aktar u aktar nies qed ibatu l-ġuħ.
Il-mira tan-NU biex teradika l-ġuħ sal-2030 għadha fil-bogħod. Skont ir-rapport tan-NU dwar is-sigurta’ tal-ikel, in-numru ta’ persuni li qed ibatu l-ġuħ żdied f’dawn l-aħħar tliet snin. 820 miljun persuna ibatu minn ġuħ kroniku, inkluż 149 miljun tifel u tifla taħt l-eta’ ta’ ħames snin li waqfu jikbru minħabba nuqqas fl-ikel.
L-awturi tar-rapport jgħidu li hemm 96 miljun persuna li jridu jiġu provduti bl-ikel jew aċċess għall-ikel ħalli n-nies ma jmutux. L-istess awturi jistmaw li madwar żewġ biljun persuna madwar id-dinja m’għandhomx biżżejjed aċċess għal ikel nadif u sustanzjuż. F’kull kontinent, proporzjon akbar tan-nisa jitħabtu mas-sigurta’ fl-ikel milli l-irġiel. Tmienja fil-mija tal-popolazzjoni fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq huma milquta mill-insigurta’ fl-ikel. Fil-fatt l-inugwaljanzi qed jiżdiedu fi kważi nofs il-pajjiżi fid-dinja; il-ġuħ ikun agħar meta l-inugwaljanza tkun għolja.
Skont ir-Rapport Dinji dwar il-Ġid li kien pubblikat riċentament, hemm madwar 18-il miljun persuna fid-dinja li għandhom tal-inqas miljun dollaru (ftit aktar minn €900,000). Meta d-dħul finanzjarju u l-artijiet maħdumin ma jkunux distribwiti indaqs, il-ġuħ jista’ jseħħ f’pajjiżi fejn iċ-ċittadini tagħhom għandhom dħul medju.
Ir-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti jkompli jgħid li mhux kulmin qed ibati l-ġuħ huwa rqiq. Jidher li hemm rabta kbira bejn l-insigurta’ fl-ikel, u l-piż żejjed u l-obesita’. Żewġ biljun persuna huma stmati li għandhom piż żejjed għax jieklu ikel li mhux tajjeb għas-saħħa peress li dan huwa rħas.
Ir-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti jidentifika tliet raġunijiet prinċipali għan-nuqqas ta’ aċċess fl-ikel. Il-konflitti vjolenti f’ċertu pajjiżi jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni tal-ġuħ. F’żoni fejn hemm il-gwerra, il-provvista tal-aktar affarijiet essenzjali tikkollassa għax ikun iżjed diffiċli biex wieħed jikkultiva l-għelieqi jew biex imexxu l-ħwienet.
F’xi pajjiżi fejn il-munita tal-pajjiż taqa’ fil-valur, il-prezzijiet ikunu affettwati u dan jista’ jolqot l-aċċess tan-nies għall-ikel, għad-dħul finanzjarju u x-xogħol. Ir-rapport sab li f’65 minn 77 pajjiż fejn it-tkabbir ekonomiku tbaxxa wassal għal nuqqasijiet fl-ikel, huma dipendenti mill-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet. Il-pajjiżi jridu jiddiversifikaw u jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom sabiex ikunu inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.
Il-bidla fil-klima wkoll bdiet toħloq il-problemi, mhux biss fil-kontinent Afrikan imma wkoll fl-Ewropa. In-Nazzjonijiet Uniti twissi li sabiex il-ġuħ ikun eradikat, irid ikun hemm ftehim jew arranġamenti internazzjonali li joħolqu l-paċi u bidla ekonomika sostenibbli sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jippreparaw ruħhom aħjar meta jinqala’ il-ġuħ.