Ikel bil-courier, u servizzi ta’ streaming l-iktar kummerċ popolari bl-internet
Id-deliveries tal-ikel bil-courier, il-ħwejjeġ, it-tagħmir elettroniku u apparat tad-dar kienu fost l-iktar prodotti mixtrija fuq l-internet f’Malta s-sena li għaddiet.
Ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fuq perjodu ta’ tliet xhur 164,715-il persuna ordnaw xi ikel minn ristoranti, ħwienet tal-fast-food jew servizzi ta’ catering. Analiżi aktar profonda tar-riżultat turi li t-total kien bejn wieħed u ieħor maqsum f’ammont ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.
Il-ħwejjeġ kienu t-tieni l-aktar oġġett popolari fil-kummerċ bl-internet b’157,944 ordni. Madankollu, din id-darba spikka l-fatt li n-nisa kienu l-aktar li xtraw ħwejjeġ tant li kellhom 58% tal-ordnijiet li saru.
L-ikel, din id-darba mis-supermarkets u l-fornituri tal-meal kits ikklassifika fit-tielet post b’97,475 li l-maġġoranza tagħhom (52,403) kienu nisa.
Kif mistenni, it-tagħmir elettroniku u l-apparat tad-dar baqgħu territorju dominat mill-irġiel. Minn total ta’ 95,220 ordni, 57,766 saru mill-irġiel li huwa ekwivalenti għal 61%.
Min-naħa l-oħra, il-prodotti tas-sbuħija kienu ferm iktar popolari man-nisa tant li għamlu 70% tas-57,297 ordni li saru.
L-inqas kategorija popolari ta’ oġġetti tax-xiri onlajn kienet dik li kienet tinkludi roti, mopeds, karozzi jew partijiet tal-vetturi b’24,725 li kienu kważi esklussivament ordnati irġiel. Filfatt tant kien hemm ftit nisa li qalu li xtraw oġġetti bħal dawn li ma ngħatatx statistika peress li n-numru tagħhom tant kien baxx li kien ikkunsidrat bħala mhux affidabbli.
Apparti x-xiri onlajn l-NSO ta ħarsa wkoll lejn l-aktar abbonamenti popolari li saru fuq l-internet. Servizzi ta’ streaming għal films u sensiliet bħal Netflix jew Amazon Prime kienu l-aktar popolari b’125,211 ordni.
L-abbonamenti tat-telefon ċellulari kienu t-tieni l-aktar popolari bi 80,741 segwiti minn servizz ta’ streaming ta’ mużika bħal Spotify li ammontaw għal 76,428.
Il-bqija tas-servizzi ta’ abbonament f’ordni ta’ popolarità kienu softwer tal-kompjuter, logħob online, kotba, gazzetti u rivisti elettroniċi, applikazzjonijiet ta’ servizzi essenzjali u oħrajn (tagħlim tal-lingwi, vjaġġar u tbassir tat-temp).
Meta mqabbel ma’ stħarriġ simili li sar fl-2021, l-aktar riżultati reċenti jsegwu xejriet identiċi f’termini ta’ preferenzi. Madankollu, hemm żieda sinifikanti fin-numru ġenerali ta’ dawk li jagħmlu xiri u abbonamenti onlajn.
Minn perspettiva aktar wiesgħa, l-istħarriġ tal-2023 juri li kważi l-individwi kollha bejn is-16 u l-34 sena użaw l-internet. B’kuntrast, individwi li għandhom bejn 65 u 74 sena irreġistraw l-inqas livelli ta’ użu tal-internet, bi 68.7% biss. Minkejja dan, l-użu tal-internet f’Malta qabeż il-medja tal-UE-27 b’0.7 punti perċentwali.