Id-Direttiva dwar il-Pagi Minimi Adekwati – It-triq ’il quddiem
Id-Direttiva tal-UE dwar il-Pagi Minimi Adekwati għandha l-għan li tagħti spinta lil dakw li jgawdu minn ftehim f’pajjiżi bħal Malta fejn din ir-rata hija taħt it-80% tas-suq tax-xogħol. Għalkemm sal-lum m’hemmx ċifra eżatta dwar l-istat attwali, diversi studji jindikaw li f’Malta minn 40% sa 50% tal-impjegati huma koperti minn ftehim kollettiv, l-aktar fis-servizz pubbliku jew entitajiet tal-Istat. Din id-direttiva trid issir parti mil-liġi Maltija sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Il-UHM Voice of the Workers ilha ħafna tisħaq fuq il-kwistjoni peress li s-sħubija fi trejdjunjins tista’ tkun deterrent qawwi għall-abbuż. Sfortunatament fil-ġurnata tal-lum ċerti kategoriji ta’ ħaddiema speċjalment dawk f’impjiegi bi dħul baxx għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt li jissieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom, minkejja li tali restrizzjoni hija illegali.
Filwaqt li l-UHM tilqa’ d-direttiva tal-UE, huwa pjuttost diżappuntanti li flok inkunu proattivi biex tingħata spinta lin-negozjar kollettiv, l-affarijiet jibdew jimxu biss għax bilfors jew imposti. Agħar minn hekk hu jekk l-istatistika tkun limitata, u konsegwentement xi pajjiżi jistgħu saħansitra jitħajru jgħollu b’mod artifiċjali r-rata ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv sabiex jevitaw li jieħdu ċerti deċiżjonijiet. Skont ċertu statistika l-Italja għandha rata ta’ 100%, li evidentement mhux realistika peress li dak li jeżisti fuq il-karta jista’ mhux bilfors jiġi tradott għall-prattika. Għalhekk, huwa kruċjali li biex kwalunkwe pjan jirnexxi jrid ikun hemm statistika affidabbli. F’dan ir-rigward, il-ħidma li qed issir mid-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali f’Malta biex tiġi stabbilita ċ-ċifra eżatta, hi ta’ min ifaħħarha peress li l-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata biss jekk inkunu nafu l-firxa tal-problema.
Il-UHM ilha tisħaq li s-sħubija obbligatorja fit-trejdjunjins għal ħaddiema bi dħul baxx bħala t-triq ’il quddiem. Permezz ta’ dan il-mudell il-ħaddiema ma jkollhomx problemi biex jidħlu f’unjin tal-għażla tagħhom u konsegwentement ikollhom protezzjoni f’każ ta’ abbuż. Filwaqt li l-kritiċi jistgħu jirrimarkaw li dan huwa stil paternalistiku, dan huwa wara kollox dak li sar fi sferi oħra tal-ħajja, bħas-sewwieqa li huma obbligati bil-liġi li jkollhom polza tal-assigurazzjoni u l-kwoti biex jagħtu spinta lin-nisa fil-parlament.
Il-UHM ilha wkoll tisħaq li kull min jieħu l-benefiċċji ta’ ftehim kollettiv iżda ma jridx jissieħeb f’unjin, għandu jħallas l-ekwivalenti tal-miżata ta’ reġistrazzjoni f’fond li jitqassam fost it-trejdjunjins. Wara kollox, huwa ġust li jitħallas is-sehem dovut lill-unjins għas-servizz li qed jagħtu, f’dan il-każ issarfu f’kundizzjonijiet ta’ impjieg aħjar permezz ta’ ftehim kollettiv. Dan huwa l-mod kif trid tibda tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-free riders.
L-implimentazzjoni tad-direttiva tal-UE hija opportunità tad-deheb għall-gvern biex jikkunsidra bis-serjetà l-proposta tal-UHM li biha jirbaħ kulħadd. Filwaqt li l-unjins imorru aħjar f’termini ta’ sħubija, proposta bħal din tagħti wkoll serħan tal-moħħ u stabbiltà lil min iħaddem u dan żgur jissarraf fi djalogu soċjali aktar produttiv peress li l-partijiet interessati kollha jkunu madwar il-mejda.