Ħtieġa ta’ revoluzzjoni kulturali biex niskopru mill-ġdid il-valuri umani
In-nies jinsabu insikuri. Iż-żgħażagħ jitħassbu biex ikollhom impjieg diċenti, qed jinkwetaw biex jixtru l-proprjetà jew biex iħallsu d-dejn tagħhom. Il-prekarjat qed ikompli jgħolli rasu filwaqt li l-anzjani wkoll qed jinkwetaw dwar is-sigurtà tagħhom, dwar il-pensjoni u dwar l-aċċess għal kura tas-saħħa diċenti.
X’qed iwassal għall-insigurtà tal-lum? L-ikbar kawżi moderni tal-insigurtà huma l-globalizzazzjoni u t-teknoloġija. Il-Papa Franġisku, fil-ġimgħat li għaddew, stqarr li l-globalizzazzjoni u t-teknoloġija qed iġibu magħhom “devastazzjoni kulturali“. Għalkemm il-globalizzazzjoni u t-teknoloġija għandhom l-aspetti pożittivi tagħhom, għaliex ġabu ċertu avvanzi fil-kwalita‘ tal-ħajja tal-bniedem, dan huwa minnu f’ċerti partijiet biss tad-dinja. Fi kliem ieħor, hemm min qed igawdi, waqt li ħafna oħra qed ibatu.
Voice of the Workers tkellem mar-Rev. Prof. Hector Scerri, lettur fit-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Hu fisser li d-devastazzjoni kulturali sseħħ kulmeta popolazzjonijiet sħaħ ikunu żvantaġġjati għax jitħallew lura jew, saħansitra, jiġu sfruttati. Ir-Rev. Prof. Hector Scerri rrefera għal kumpaniji multinazzjonali li jinvestu permezz ta’ fabbriki f’ċerti kontinenti, biex lill-ħaddiema jħallsuhom pagi tal-mistħija, u jagħmlu biljuni ta’ qligħ meta dawk il-prodotti jinbiegħu f’pajjiżi tal-“ewwel dinja“.
Id-devastazzjoni kulturali tidher ukoll fl-iżbilanċ enormi ekonomiku bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Dan qed jaffettwa soċjetajiet sħaħ, u jwassal għal migrazzjoni (ta’ min jista‘ jħalli pajjiżu) lejn dawk il-partijiet tad-dinja li għalihom jibdew jidhru bħallikieku l-mit ta’ El Dorado fis-sekli sittax u sbatax. Din il-migrazzjoni qiegħda litteralment tħott kulturi sħaħ li għandhom storja twila, sabiħa u prezzjuża.
Huwa għalhekk li l-Papa Franġisku fit-tagħlim tiegħu, l-aktar fl-Enċiklika Laudato si‘ (2015), kif ukoll l-Istituzzjonijiet tal-Knisja li jippromwovu t-Ħsieb Soċjali tagħha, qed jagħmlu minn kollox biex joħolqu kuxjenza ta’ interdipendenza u solidarjetà awtentika. Flimkien ma’ Papa Franġisku, ir-Rev. Prof. Hector Scerri fakkar fil-periklu tal-globalizzazzjoni tal-mudell teknokratiku li jwassal għall-manipulazzjoni mingħajr limitu. Għalhekk, huwa jistqarr – kif jgħallem il-Papa u l-Knisja Kattolika – li hi meħtieġa revoluzzjoni kulturali kuraġġuża biex niskopru mill-ġdid il-valuri umani u npoġġuhom fil-prattika. Is-suq waħdu ma jistax jiggarantixxi l-iżvilupp integrali tal-persuna umana u l-inklużjoni soċjali li huma tant meħtieġa biex tassew nimxu ‘l quddiem.
Il-progress teknoloġiku għandu jkun bilanċjat, b’mod u manjiera li filwaqt li jkompli jagħmel progress, m’għandux ikisser il-produtturi ż-żgħar, il-biodiversità u x-xibka tal-ekosistemi. Fl-aħħarnett, il-prinċipju li għandu jmexxina hu d-dinjità sħiħa tal-bniedem u ġustizzja vera minn kulħadd u għal kulħadd.