Ħtieġa ta’ protokolli ċari fejn jidħlu persuni b’diżabbiltà
Jeħtieġ li jkun hemm protokolli ċari b’risq persuni b’diżabbiltà u kull pjan ta’ mitigazzjoni għandu jkun inklussiv inkella se niġu f’riskju li bil-mixja tagħna lura għan-normalità inħallu lil persuni b’diżabbiltà warajna.
Voice of the Workers tkellem ma’ Oliver Scicluna, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u fisser li hawn nuqqas ta’ ħsieb fejn jidħlu protokolli ta’ kif, per eżempju, għandhom jingħataw servizzi terapewtiċi, servizzi mogħtija fil-komunità, servizzi ta’ respite u servizzi ta’ day centres. Huwa importanti ħafna li l-awtoritajiet jingħataw gwida ta’ xinhu f’riskju u le fl-għoti ta’ dawn is-servizzi u x’mitigazzjonijiet għandu jkun hemm.
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà tippretendi li kif sar protokol għar– ristoranti u l-hairdressers, isir l-istess għas-servizzi speċifiċi mogħtija lil persuni b’diżabbilta‘. Irid ikun hemm pjan ta’ meta jkun il-waqt li jinfetħu dawn is-servizzi, kif ser jingħataw, fejn se jingħataw u xi prekawzjonijiet se jittiehdu. Hemm ċertu servizzi, bħall–speech and language therapy li qieghed jingħata online, għalkemm b’mod limitat, għax dawn is-servizzi l-aħjar li jingħataw wiċċ imb’wiċċ.
Jidher li l–Kummissjoni ftit li xejn ġiet kkonsultata mill-Gvern, għalkemm inħoloq Disability Task Force speċifikament minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19. Dan it-Task Force, li jiltaqa’ kull ġimgħa, huwa magħmul minn persuni b’diżabbiltà, għaqdiet u partijiet interessati li jaħdmu fis-settur. Għalkemm il-Kummissjoni ma ġietx ikkonsultata, hi dejjem enfasizzat l-importanza li l-miżuri li jittieħdu jkunu inklussivi u li ċertu miżuri ta’ prekawzjoni, bħall-użu tal-maskra, mhux dejjem huma prattiċi għal persuni bl-awtizmu, dawk li għandhom problemi fin-nifs u persuni nieqsa mis-smigħ.
Madankollu, persuni b’diżabbiltà qed jibbenefikaw mill–benefiċċju tat-€800 fix-xahar għal dawk l-impjegati b’diżabbiltà li jaħdmu full-time u part-time mal-Privat u li ma setgħux imorru għax–xogħol peress li huma f’riskju. Ingħatat ukoll assistenza lil ġenituri li jieħdu ħsieb tfal b’diżabbiltà. F’każ li ġenituri ma setgħux jagħmlu telework, ingħata benefiċċju biex dawn jibqgħu d-dar ħalli jieħdu ħsieb lil uliedhom, anke jekk uliedhom għandhom iżjed minn 16-il sena.
Inħoloq ukoll servizz ta’ għajnuna biex inxtraw xirjiet, tqassim ta’ mediċini u anke ikliet lesti lill- anzjani u persuni b’diżabbiltà‘ partikularment fiż–żmien ta’ kważi lockdown.
Iżda l-Kummissjoni rċeviet diversi każijiet fejn persuni b’diżabbiltà sabu problemi fuq il-post tax-xogħol, kemm fil-Privat kif ukoll minn maċ–Ċivil jew mis-settur pubbliku. Madankollu l-CRPD irnexxielha ssolvi l-każijiet li ġew quddiemha.
Minkejja li tinsab kuntenta bil-miżuri li ħadet l-Aġenzija Sapport u entitajiet oħrajn, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà tħoss li tista’ tingħata iżjed importanza lis-settur tad-diżabbiltà b’mod ġenerali. Oliver Scicluna jfakkar li tfal b’diżabbiltà li jmorru l-iskola u waqfu minħabba l-Coronavirus iltaqgħu ma’ sfidi akbar u dan flimkien mal-familji tagħhom. Hemm persuni li waqfu jirċievu terapiji għal ġimgħat sħaħ u huma f’riskju li jitilfu dak kollu li jkunu ħadmu fuqu l-ġenituri tagħhom qabel il-pandemija.
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà tinnota li filwaqt li l-Gvern qed jerħi iżjed restrizzjonijiet biex l-ekonomija terġa’ tirranka, irid iżomm f’moħħu li l-miżuri li ttieħdu f’dan ir-rigward kellhom isiru bi pjan biex ma jxekkilx l-aċċessibbiltà fiżika.
Voice of the Workers jisħaq li rridu nibqgħu niġġieldu l-Coronavirus flimkien. Ejja ma ninsewx lill-persuni b’diżabbiltà