Ħaddiema tal-Freeport u tal-JobsPlus ma ngħatawx it-tilqima minkejja li qegħdin f’riskju
Ħaddiema tal-Freeport u impjegati tal-JobsPlus jinsabu mgħaddba għall-fatt li minkejja li x-xogħol tagħhom ipoġġihom f’riskju akbar li jkunu nfettati bil-COVID-19, minħabba kuntatt ma’ persuni li mhux fil-bubble tagħhom, għadhom ma ngħatawx it-tilqima.
Minkejja li dawn il-ħaddiema ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar is-sitwazzjoni tagħhom, ma ttieħdet l-ebda azzjoni, anki meta talbu l-intervent tal-UĦM.
Ħaddiema tal-Freeport li tkellmu mal-Voice of the Workers Weekly spjegaw li t-tħassib tagħhom ġej mill-fatt li minħabba li jkollhom jitilgħu abbord bastimenti li jsorġu fil-port, iċ-ċansijiet li jkunu esposti għall-virus huma ikbar.
“Fl-istess ħin ma nistgħux nifhmu kif kategorija oħra ta’ ħaddiema li huma involuti fit-trasbord tal-merkanzija u li mhumiex esposti għal riskju daqsna, ngħataw it-tilqima,” il-ħaddiema qalu. Huma komplew li x-xogħol tagħhom hu kruċjali għall-ekonomija tal-pajjiż u jrid ikompli għaddej anki f’sitwazzjoni ta’ lockdown totali.
Din is-sitwazzjoni tixbah lil dik tal-ħaddiema tal-JobsPlus li minkejja l-pandemija xorta waħda għadhom qed jagħmlu l-ispezzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol.
“Fil-każ tagħna hemm anomalija għax filwaqt li aħna ma tlaqqamniex, magħna qed ikun hemm uffiċjali minn entitajiet pubbliċi oħra u l-korp tal-pulizija li ħadu l-vaċċin. Ma nistgħux nifhmu fuq liema bażi qed issir din id-distinzjoni u qed inkunu trattati b’mod differenti,” ħaddiema tal-JobsPlus sostnew.
Dan is-sentiment ta’ rabja u frustrazzjoni kompla jikber wara li dan l-aħħar sar magħruf li impjegati tal-kumpanija privata fis-settur tal-kostruzzjoni, Bonnici Brothers, li ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ front liners jew settur essenzjali, ngħataw it-tilqima. Id-deċiżjoni ġabet reazzjoni u kritika qawwija minn sidien tas-supermarkets, ħwienet tal-merċa u oħrajn tas-servizzi essenzjali, li ħassewhom qed jiġu diskriminati ġaladarba huma esposti ferm iktar għall-virus. Sal-lum l-awtoritajiet ma kkummentaw xejn u lanqas taw spjegazzjoni tal-kriterji wara dawn id-deċiżjonijiet.
Sadattant, minkejja li t-tilqima bdiet tingħata tliet xhur ilu, għad hemm persuni vulnerabbli fosthom dawk li għandhom iktar minn sebgħin u tmenin sena, li għadhom ma ngħatawx it-tilqima. Fl-istess ħin, qed ikun hemm każi fejn persuni li ilhom mejta snin twal u oħrajn li emigraw minn Malta ħafna żmien ilu qed jingħataw appuntament għall-vaċċin.
Il-Gvern min naħa tiegħu qed jibqa’ jinsisti li d-dożi tat-tilqima li qed tirċievi Malta qed jintużaw kollha. Madankollu, qed jirrifjuta li jippubblika l-kriterji tal-mod li bih ċertu setturi tal-popolazzjoni qed jingħataw prijorità fuq ħaddieħor.