‘Gvern li jinħeba wara l-mandati flok id-djalogu soċjali’
Id-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf lill-UĦM Voice of the Workers milli tagħmel azzjonijiet industrijali b’mandat ta’ inibizzjoni tikkonferma kemm kull ma jmur il-Gvern qed jinħeba wara l-Qorti flok jipprova jsib soluzzjoni madwar mejda.
Il-kap eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella sostna dan f’kummenti lill-Voice of the Workers Weekly dwar l-aħħar żviluppi fit-tilwima li għaddeja bħalissa fis-settur tas-saħħa.
“Dan il-mandat ma kienx xi eċċezzjoni, għax fl-aħħar tliet snin il-Gvern qabad drawwa li kull meta jkollu tilwima industrijali taħraq jipprova jintimida lill-union billi jibda proċeduri fil-Qorti anki jekk ikun jaf li m’għandux raġun,” Vella qal.
F’dan il-każ it-tilwima, li tolqot mal-1,300 ħaddiema fis-settur tas-saħħa, bdiet wara li l-Gvern ma żammx kelmtu u ma jridx jonora dak li ġie maqbul bil-miktub. Dan japplika għall-mod kif tinħadem is-seniority tal-allied healthcare professionals u fil-każ tal-ħaddiema ta’ Steward Health Care, l-impenn tal-Gvern li jassorbihom fuq il-kotba tiegħu b’kundizzjonijiet bħal dawk tal-kollegi tagħhom li huma impjegati tal-Istat. Hemm ukoll l-emergency ambulance responders li ilhom għal dawn l-aħħar sena u nofs jitolbu li jibdew taħditiet fuq ftehim kollettiv ġdid.
Il-kap eżekuttiv tal-UĦM sostna li l-union temmen bis-sħiħ fid-djalogu soċjali imma mhux se taċċetta li l-parti l-oħra fi kwistjoni industrijali tabbuża minn dan il-mezz biex tipprova tieħu vantaġġ b’detriment għall-ħaddiema.
“Id-deċiżjoni li mmorru għal azzjonijiet industrijali wiesgħa ma ttieħditx b’kapriċċ iżda wara li eżawrejna kull possibbiltà oħra u wara xhur sħaħ li fihom il-Gvern kien injora għal kollox it-talbiet li kienu qed jagħmlu dawn il-ħaddiema,” Vella qal.
Hu kompla li anki wara li bdew l-azzjonijiet il-union kompliet bl-isforzi biex tinstab soluzzjoni iżda baqa’ ma sabx koperazzjoni totali mill-Gvern.
“Jirriżulta li waqt ż-żewġ naħat kienu f’kuntatt biex tinstab soluzzjoni u meta kien jidher li l-pożizzjonijiet rispettivi kienu qed joqorbu lejn xulxin, il-union kienet informata li l-istess Gvern fetaħ mandat,” Vella qal.
Sadattant, waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fil-kwartieri tal-General Workers Union, il-Prim Ministru Robert Abela kien rappurtat li qal li l-Gvern “se jkompli jisma’ lill-imsieħba soċjali”. F’dan l-isfond il-UĦM ġeddet l-appell tagħha biex il-Prim Ministru jintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni. Fl-istess laqgħa il-Prim Ministru esprima sodisfazzjoni li fl-2020 il-Gvern għalaq 16-il-ftehim kollettiv u sostna li dan jixhed l-ambizzjoni tal-Gvern li l-ħaddiem jingħata prijorità.
Il-kap eżekuttiv tal-UĦM esprima wkoll l-għadab tiegħu kif matul din il-kwistjoni union oħra pubblikament ħeġġet lill-Gvern biex jiftaħ mandat kontra l-UĦM. Dan hu l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn il-unions li hawn Malta! L-attakki saru wkoll kontra l-uffiċjali tal-UĦM, partikularment permezz tal-media soċjali.