Ġlieda kontra l-korruzzjoni: Il-MPE jimbuttaw għal miżuri u pieni aktar stretti fl-UE kollha
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili approva l-abbozz ta’ mandat ta’ negozjar għal regoli aktar b’saħħithom kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha fl-UE. Ir-rapport, adottat bi 63 vot favur, tnejn kontra u żewġ astensjonijiet, jibni fuq l-abbozz tal-Kummissjoni Ewropea għal direttiva kontra l-korruzzjoni li ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv eżistenti.
Regoli aktar wiesa u pieni aktar ħorox
Il-MPE emendaw l-abbozz ta’ dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni biex ikopru aktar persuni ta’ interess, inkluż “kwalunkwe persuna fdata bi dmirijiet ta’ interess pubbliku jew inkarigata minn servizz pubbliku”. Il-MPE jridu li anki dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE, jiġifieri l-MPE, il-Kummissarji, u l-President tal-Kunsill Ewropew, jiżdiedu mal-kategorija ta’ “uffiċjali ta’ livell għoli” u jkunu soġġetti għal regoli aktar severi. Ġew inklużi wkoll dispożizzjonijiet għal uffiċjali militari, eżekuttivi għolja ta’ korporazzjonijiet tal-istat, u uffiċjali maniġerjali ta’ partiti politiċi rappreżentati f’parlament.
Il-MPE iridu pieni aktar stretti, partikolarment dwar id-dritt ta’ min wettaq reat li jokkupa kariga pubblika u esklużjonijiet mill-aċċess għal finanzjament pubbliku. Huma inkludew miżuri kontra l-korruzzjoni biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta’ interess (eż. żvelar ta’ kunflitti ġodda, sanzjonijiet għal nuqqas ta’ rappurtar ta’ assi sostanzjali), lobbying (bħal rekwiżiti minimi biex tiġi żvelata informazzjoni u reġistrazzjoni obbligatorja ta’ rappreżentanti ta’ interess), revolving doors (ir-restrizzjoni ta’ impjieg ta’ wara t-terminu għall-uffiċjali pubbliċi), u biex jiġu kriminalizzati reati bħall-ħabi, kondotta ħażina f’karigi pubbliċi, u finanzjament politiku illeċitu. Jiżdiedu dispożizzjonijiet speċjali għall-akkwist pubbliku u għall-finanzjament politiku biex jippermettu skrutinju pubbliku permezz ta’ aċċess aħjar għall-informazzjoni.
It-tisħiħ ta’ korpi indipendenti u l-indirizzar ta’ kwistjonijiet speċifiċi
L-istati membri jkollhom joħorġu bi strateġiji kontra l-korruzzjoni, filwaqt li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE għandhom jieħdu wkoll miżuri preventivi xierqa, inkluż it-twaqqif ta’ korpi indipendenti speċjalizzati f’konformità mal-istandards stabbiliti taħt il-liġi tal-UE. Il-MPE jitolbu wkoll li l-Kummissjoni tistabbilixxi r-rwol ta’ Koordinatur tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, u tipproduċi rapport annwali tal-UE Kontra l-Korruzzjoni.
Kwistjonijiet speċifiċi inklużi fl-abbozz tal-mandat:
- projbizzjoni ta’ skemi ta’ investiment fuq iċ-ċittadinanza u r-residenza;
- il-projbizzjoni tal-maħfra jew l-għoti ta’ amnestija għal reati relatati mal-korruzzjoni;
- regoli aktar stretti għar-responsabbiltà tal-persuni legali;
- il-proporzjon tad-danni li għandhom jitħallsu skont il-gravità tar-reat;
- jillimitaw il-privileġġi u l-immunitajiet biss għal atti mwettqa fil-qadi ta’ dmirijiet uffiċjali u waqt il-kariga;
- id-drittijiet u l-kumpens tal-vittmi, kif ukoll id-drittijiet għall-pubbliku biex jipparteċipa fi proċedimenti;
- is-sospensjoni jew l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjali; u
- l-eżerċizzju xieraq tas-setgħat diskrezzjonali fir-rigward tal-prosekuzzjonijiet.
Il-passi li jmiss
Il-mandat ta’ negozjar għandu jiġi approvat fis-sessjoni plenarja tas-26 u d-29 ta’ Frar, u wara l-Parlament ikun lest li jibda n-negozjati mal-istati membri dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni.