Għodda ġdida fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq l-internet
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approvaw liġi ġdida li se tgħin fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ materjal terroristiku fuq l-internet. Din il-leġiżlazzjoni tindirizza testi, stampi, audio recordings jew vidjows li jinċitaw, jitolbu jew jikkontribwixxu għal reati terroristiċi. Tapplika wkoll għal materjal li jipprovdi struzzjonijiet għal reati bħal dawn jew li jitolbu lin-nies biex jipparteċipaw fi grupp terroristiku. Għandha l-għan ukoll li tiġġieled kontenut li jipprovdi gwida dwar kif tagħmel u tuża splussivi, armi tan-nar u armi oħra għal skopijiet terroristiċi. Id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi huma konformi mad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Regola biex tneħħi kontenut ta’ ħsara fi żmien siegħa
Il-pjattaformi tal-internet għandhom ineħħu l-kontenut terroristiku jew iwaqqfu l-aċċess għalih fl-istati membri kollha kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ fi żmien siegħa wara li jkunu rċevew ordni ta’ tneħħija. Dawn jistgħu jintbagħtu mill-awtoritajiet fi kwalunkwe stat membru lil pjattaforma tal-internet stabbilita fi kwalunkwe stat membru ieħor tal-UE. L-awtoritajiet kompetenti fl-istat membru fejn il-fornitur tas-servizz għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu għandhom id-dritt li jiskrutinjaw l-ordni tat-tneħħija u jissospenduha jekk jikkunsidraw li tikser id-drittijiet fundamentali.
Eċċezzjonijiet għal skopijiet edukattivi u ġurnalistiċi
Jekk materjal jixxerred għal skopijiet edukattivi, ġurnalistiċi, artistiċi jew ta’ riċerka jew biex jipprevjeni jew jiġġieled it-terroriżmu, ma jkunx ikkunsidrat bħala kontenut terroristiku. Dan jinkludi wkoll kontenut li jesprimi fehmiet kontroversjali f’dibattitu pubbliku.
L-ebda obbligu ġenerali li tissorvelja jew tiffiltra l-kontenut kollu
Il-pjattaformi tal-internet mhux se jkunu obbligati li jissorveljaw jew jiffiltraw il-kontenut kollu. Minkejja dan, jekk ikunu esposti għal kontenut terroristiku, huma jkollhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jipproteġu s-servizzi tagħhom kontra t-tixrid tiegħu. Il-fornitur tas-servizz jiddeċiedi dwar dawk il-miżuri. Il-fornituri tas-servizzi se jkollhom ukoll jippubblikaw rapporti ta’ trasparenza annwali dwar azzjoni meħuda kontra t-tixrid ta’ kontenut terroristiku.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim se jiġi finalizzat fuq livell tekniku biex wara l-Parlament kif ukoll il-Kunsill jadottawh formalment. Il-proposta dwar il-prevenzjoni tat-tixrid ta’ kontenut terroristiku online tressqet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018.