Għix bi skop f’ħajtek
L-iskop fil-ħajja jikkonsisti fl-aspettattivi prinċipali li jimmotivaw lil ħajtek – ir-raġunijiet għaliex inti tqum filgħodu.
L-għanijiet jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet fil-ħajja, jinfluwenzaw l-imġieba, isawru l-miri, joffru sens ta’ direzzjoni u joħolqu tifsira. Għal xi wħud, l-iskop fil-ħajja hu marbut ma’ vokazzjoni – xogħol sodisfaċenti li jagħti tifsira. Għal ħaddieħor, l-iskop tagħhom jaqa’ fir-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-familja u l-ħbieb. Oħrajn ifittxu tifsira permezz tal-ispiritwalita’ jew twemmin reliġjuż. Xi nies jistgħu jsibu l-iskop tagħhom fil-ħajja meta jkun espress f’dawn l-aspetti kollha tal-ħajja.
L-iskop fil-ħajja jkun uniku għal kulħadd. Dak li tidentifika bħala t-triq tiegħek jista’ jkun differenti minn ta’ ħaddieħor. Aktar minn hekk, l-iskop ta’ ħajtek jista’ fil-fatt jiċċaqlaq u jinbidel matul il-ħajja bi tweġiba għall-prijoritajiet li jevolvu u t-tlugħ u l-inżul tal-esperjenzi tiegħek. Mistoqsijiet li jistgħu jinqalgħu meta inti tirrifletti fuq l-iskop ta’ ħajtek huma dawn: min jien?; fejn nappartjeni? u, meta nħossni sodisfatt?
L-iskop ta’ ħajtek hu l-kontribut tiegħek. Xi wħud jaħsbuha darbtejn dwar kif għandhom jgħixu ħajjithom għaliex jinkwetaw li jispiċċaw ikunu egoisti. Madankollu, għan ta’ veru hu kif tagħraf il-preġji u t-talenti tiegħek filwaqt li tużahom biex tikkontribwixxi fid-dinja – kemm jekk dawn it-talenti jissarrfux bid-daqq ta’ mużika sabiħa biex tallegra lill-oħrajn, tgħin lil sħabek biex isolvu l-problemi tagħhom, jew sempliċiment billi tressaq aktar kuntentizza fil-ħajja ta’ dawk ta’ madwarek.
L-għan ġenwin fil-ħajja jiffoka fuq it-tmiem ta’ ħajja li tkun laħqet il-milja tagħha. Meta l-iskop awtentiku f’ħajtek ikun ċar, tkun kapaċi taqsmu man-nies hemm barra. Skont Richard Leider, li huwa espert dwar ir-relazzjonijiet fil-ħajja, il-preġji jew it-talenti flimkien mal-passjonijiet u l-valuri jikkostitwixxu l-iskop ta’ ħajtek.
Fuq kollox, l-iskop tal-ħajja hu li ngħixuha b’tali mod li ma tistaqsix lilek innifsek din il-mistoqsija meta l-Ħallieq jgħajjatlek biex tgawdi l-‘ħajja eterna’.