Għeluq tal-fruntieri: il-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili jitlob proporzjonalità u koordinazzjoni fl-UE
Dikjarazzjoni tal-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, Juan Fernando López Aguilar (S&D, ES) dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntiera f’xi fruntieri interni ta’ Schengen minħabba l- virus korona.
“Fl-aħħar jiem, bosta stati membri tal-UE reġgħu introduċew kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni tagħhom fiż-żona Schengen jew saħansitra għalquhom għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi waqt li xi stati membri oħra qed jikkunsidraw dawn il-miżuri. Bħala l-president tal-kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, waqt li nifhem bis-sħiħ il-ħtieġa għal miżuri ta’ politika pubblika li jirrestrinġu l-interazzjoni soċjali biex inaqqsu t-tixrid tal-virus korona, inħeġġeġ lill-istati membri biex jieħdu l-miżuri tagħhom b’rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità u, fuq kollox, tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE, tan-nondiskriminazzjoni u tar-regoli applikabbli ta’ Schengen. Huwa fundamentali li meta jittieħdu l-miżuri ma ssir l-ebda diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE. Huwa biss permezz ta’ approċċ ikkoordinat, aktar milli azzjonijiet meħuda minn Stati Membri individwali, li se nirnexxu meta nindirizzaw l-isfida li kollha ninsabu ffaċjati biha. Il-kumitat għal-Libertajiet Ċivili qed jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni u jistenna li l-Kummissjoni, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Istati Membri jipproteġu l-benefiċċji kollha taż-żona Schengen”. Sfond: Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) jipprovdi espliċitament għar-riskju ta’ saħħa pubblika bħala raġuni għaċ-ċaħda tad-dħul fi fruntiera esterna ta’ Schengen (Titolu II), iżda ma jipprevedix il-possibbiltà li temporanjament jerġa’ jiddaħħal il-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni fuq raġunijiet ta’ saħħa pubblika (it-Titolu III).