Għandna bżonn naħsbu mill-ġdid fuq is-sistema tat-trasport
Malta għad m’għandhiex viżjoni konkreta dwar it-trasport. Il-bidla għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku se tkun qed tnaqqas it-tniġġis imma mhux se teliminah.
Jekk l-għan tal-Gvern hu biex inaqqas in-numru ta’ vetturi mit-toroq u jibdel numru sostanzjali minnhom ma’ mudelli li jaħdmu bil-batterija, mela dawn se jkunu parti mis-soluzzjoni. Iżda, jekk nibdlu l-flotta preżenti ma’ eluf ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku, se nkunu sempliċiment qed noħolqu problema ambjentali oħra.
Il-bidla fis-sorsi tal-enerġija ma tagħmel xejn biex tindirizza l-ammont kbir ta’ spazju li jridu l-karozzi, li minflok jista’ jintuża għal zoni ambjentali, playgrounds u postijiet simili. Il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku ma jsolvux il-konġestjoni jew in-nuqqas estrem ta’ attività fiżika li jikkontribwixxi għall-obesità u l-problemi f’saħħitna.
Huwa allegat li l-Gvern qisu m’għandu ebda interess għal bidla sistematika. Għadu ffokat fuq il-bini ta’ qafas ta’ toroq ġodda bil-premessa li jnaqqas il-konġestjonijiet tat-traffiku. L-użu tar-rota għax-xogħol huwa ta’ benefiċċju għal saħħitna u għall-ambjent iżda l-appoġġ mill-Gvern f’dan ir-rigward huwa dgħajjef. L-ikbar impediment għal revoluzzjoni fiċ-ċikliżmu huwa l-periklu li wieħed jintlaqat minn karozza. Barra minn hekk, li naqilbu għal muturi u scooters li jaħdmu bl-elettriku huma biss parti mit-tweġiba. Verament, din mhix problema tal-karozzi, imma problema fid-disinn urban maħluqa mill-mezz ta’ trasport preferut tagħna – il-karozza.
Malta għandha tieħu l-eżempju ta’ stati Ewropej oħrajn billi tadotta l-kunċett tal-15-minute city. L-ideal li wieħed ikun kapaċi jgħix, jaħdem, jixtri, jiekol f’xi stabbiliment tal-ikel u jkun edukat – bil-postijiet kollha għal ħafna minn dawn l-attivitajiet kemm jista’ jkun ikunu f’distanza bil-mixi minn xulxin. Dan ifisser li wieħed jgħaqqad mill-ġdid lin-nies maz-zoni lokali tagħhom u tiddeċentralizza l-ħajja fil-belt u s-servizzi.
Din tista’ tkun bidla li l-bliet u l-irħula tagħna tant jeħtieġu. Tista’ tbiddel is-sens tagħna ta’ appartenenza, il-ħajja komunitarja tagħna, saħħitna u x-xogħol filwaqt li tnaqqas it-tniġġis, l-istorbju u l-periklu.