Għaliex in-nies mhumiex motivati biex jindirizzaw il-bidla fil-klima?
Isiru diversi konferenzi dwar il-bidla fil-klima. Bħalissa għaddejja oħra organizzata min-Nazzjonijiet Uniti fil-Polonja. Imma l-mexxejja tal-pajjiżi jridu jaġixxu u jattwaw id-diskorsi tagħhom. Jekk in-nazzjonijiet mhux se jieħdu azzjoni drastika dwar il-bidla fil-klima malajr, jista’ jkun hemm konsegwenzi serji għas-snin li ġejjin.
Għaliex hu daqshekk diffiċli biex in-nies taġixxi fuq il-bidla fil-klima? Sfortunatament, il-bidla fil-klima tinvolvi taħlita ta’ fatturi li jagħmluha diffiċli għall-popli biex ikunu motivati.
L-azzjoni fuq il-bidla fil-klima tirrapreżenta bilanċ jew kompromess bejn il-benefiċċji għall-perijodu qasir u dawk għall-perijodu fit-tul – l-iktar kompromess diffiċli biex jagħmlu n-nies.
Li tinjora l-bidla fil-klima f’perijodu qasir għandu benefiċċji kemm għall-individwi u għall-organizzazzjonijiet. L-individwi m’għandhomx jagħmlu l-bidliet fil-karozzi li jsuqu, fil-prodotti li jixtru jew fid-djar fejn jgħixu, jekk jinjoraw l-influwenza li l-użu tagħhom tal-karbonju għandu fuq id-dinja. Il-kumpaniji jistgħu jżommu l-ispejjeż tal-manifattura baxxi jekk m’għandhomx għalfejn jiżviluppaw proċessi ġodda biex jillimitaw l-emissjonijiet tal-karbonju. Il-gvernijiet illum jistgħu jiffrankaw il-flus billi jiddependu fuq metodi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li tinvolvi l-ħruq tal-fossil fuels milli jiżviluppaw u jsaħħu sorsi ta’ enerġija li ma jniġġsux, anki dawk li huma effettivi mill-ispejjeż għal żmien fit-tul.
Ħafna effetti tal-bidla fil-klima huma ‘l bogħod mill-maġġoranza tan-nies. Ir-riċerka targumenta li n-nies aktar jifformaw l-ideat tagħhom li huma psikoloġikament ‘il bogħod minnhom b’mod astratt minn affarijiet li huma psikoloġikament fil-qrib. Meta jkun hemm diżastri kaġunati mit-temp, li probabbilment huma rifless ta’ bidla fil-klima, dawn ħafna drabi jseħħu ħafna ‘l bogħod minn fejn qed tgħix il-maġġoranza tan-nies. B’riżultat ta’ dan, ħafna nies mhumiex sfurzati biex jitħabtu mal-konsegwenzi li ġġib magħha l-bidla fil-klima, imma għall-kuntrarju jitrattawhom bħala kunċett astratt. U l-kunċetti astratti sempliċiment ma jimmotivawx lin-nies biex jaġixxu bis-saħħa meta mqabblin ma’ kunċetti speċifiċi.
Il-futur dejjem jibqa’ inċert mill-preżent. Dan hu għaliex in-nies jagħtu valur b’saħħtu lill-preżent. Wara kollox, jekk iġġemma ħafna flus għal meta tirtira, m’hemmx garanzija li se tgħix biżżejjed biex tgawdihom. Fil-każ tal-bidla fil-klima, ix-xettiċi jsostny li mhux ċert li l-influwenza tal-attivita’ umana fuq il-klima se jkollha konsegwenzi ħżiena ħafna li xi esperti kienu bassru.
Filwaqt li dawn il-fatturi kollha qed jaħdmu kontrina, madankollu hemm it-tama. Kemm jekk qed tipprova tinvolvi lilek innifsek f’iżjed attivitajiet li jnaqqsu l-impatt tiegħek fuq il-klima, jew qed tipprova tikkonvinċi lil ħaddieħor biex jaġixxi, madankollu hemm affarijiet li tista’ tagħmel.
Li nressqu l-futur mentalment qrib, biex nibdew inħossu l-affarijiet essenzjali tal-ħajja ta’ kuljum jiġu mfixkla minn bidla fil-klima dinjija, jgħin biex innaqqsu d-distanza psikoloġika. Huwa biss meta lkoll kemm aħna nesperjenzaw din it-theddida tal-futur fil-preżent li jkollna biżżejjed forza ta’ motivazzjoni biex iġġiegħlna nimpenjaw ruħna f’azzjonijiet li llum jeħtieġu iżjed sforzi, bħal li tuża t-trasport pubbliku milli l-vettura privata jew titfi l-arja kundizzjonata f’ġurnata sajfija.
Irridu jkollna r-rieda biex inkunu espliċiti fuq il-valuri li qed naġixxu fuqhom. Jekk nagħżlu li ntejbu lil ħajjitna fil-preżent b’detriment għall-kwalita’ tal-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet futuri, dik hi għażla ta’ valuri li rari nagħmlu b’mod espliċitu. Irridu nħarsu lejn il-mera u ngħidu li lesti ngħixu ħajjitna b’mod egoist, mingħajr ma nagħtu kas ta’ uliedna u ulied uliedna. Jekk m’aħniex lesti li nadottaw dan il-valur egoist, allura rridu nagħmlu bidla fl-imġieba tagħna llum.