Għaliex hu diffiċli għalija li narmi l-kotba?
Dan l-aħħar għamilt venja biex norganizza l-karti mxerrdin madwar id-dar. Bir-ritmu li kont għaddej bih, żbarazzajt u armejt ukoll diversi oġġetti imma mhux il-kotba. Għalkemm armejna xi ħwejjeġ u logħob li m’għadhomx jilagħbu t-tfal, ma flaħtx narmi ktieb wieħed. Inħobbhom il-kotba. Anki dawk li ma jogħġbunix, dawk li ma qrajtx jew dawk li naf li mhux se nerġa’ naqrahom. Il-kotba huma importanti. Huma differenti. Imma għaliex?
Naħseb li f’din is-sitwazzjoni ma ninsabx waħdi. Ħafna minna jħossu dak is-sentiment protettiv lejn il-kotba – għax huma speċjali. Dejjem kienu speċjali. Matul l-istorja, il-kotba kienu s-simbolu tal-għerf, tal-ġid u tal-poter. Li teqred ktieb hu xi ħaġa assoċjata maċ-ċensura jew mal-propaganda.
Il-kotba wkoll huma speċjali minħabba l-mod kif naqraw. Il-qari huwa xi ħaġa privata u unika. Huwa att immaġinattiv li jippermettilna nagħtu l-ħajja lil dinjiet sħaħ. Hemm xi ħaġa fundamentalment umana dwar il-ktieb.
Imma bħalissa l-kotba qed iħabbtu wiċċhom ma’ żmien diffiċli. Jekk nieħdu, per eżempju, x’ġara f’pajjiżna dan l-aħħar, dawk li ġenwinament iħobbu l-kotba kienu mistagħġba u xxokkjati bir-ritratti ta’ kotba antiki u imprezzabbli li twaddbu f’trakk biex jintremew. Fortunatament, ir-ritratti spiċċaw jiċċirkolaw fil-media soċjali u t-trakk li kien qed iġorr il-kotba storiċi sa fl-aħħar kien lokalizzat u issa l-kotba jinsabu f’idejn Heritage Malta.
Barra minn hekk, b’aktar kotba elettroniċi milli kotba stampati li qed jinbiegħu, u b’ebda ħjiel li x-xejra se tkun riversjata, jidher li l-kotba stampati se jieħdu daqqa ‘l isfel. Hawn min jgħid li l-kotba huma oġġetti skaduti li nqabżu minn oġġett eħfef, mgħaġġel, irħas u iżjed konvenjenti.
Imma l-kotba stampati ma mitux. Il-pubblikaturi wieġbu għall-fenomenu tal-kotba elettroniċi billi qed jagħmlu l-ktieb stampat iżjed attraenti. F’dawn l-aħħar snin, il-pubblikaturi Maltin u barranin għamlu sforzi kbar biex jipproduċu kotba tassew sbieħ. Dawn il-kotba huma ta’ prestiġju – glorifikazzjoni tad-deċiżjoni tiegħek sabiex tixtri prodott kulturali fi żmien fejn kapaċi niksbu ħafna affarijiet b’xejn.
Il-kotba ovvjament għandhom valur sentimentali. Jingħataw tifsira bil-kollezzjoni tagħhom – għax dawn jinstabu, jinxtraw, jinqraw u jitqiegħdu fuq l-ixkafef minnek. L-iskafef bil-kotba, li kulmin iħobb il-letteratura jsibha diffiċli biex jinħall minn magħhom, huma l-passi tal-personalità tagħna, l-identità kulturali tagħna, ruħna. U min se jarmi parti minn ruħu?
Il-kotba għandhom il-qawwa għax aħna nagħtuhom il-qawwa. Hekk kif niddevjaw l-attenzjoni tagħna għall-kontenut diġitali, forsi din il-qawwa qed tmajna. Imma forsi le. Il-bejgħ tad-diski vinyl qed jiżdied; fi żmien fejn il-mużika tista’ tkun b’xejn, xi wħud qed jagħżlu li jakkwistaw ftit diski li huma ta’ valur. Illum tista’ tagħmel download ta’ 20 album mużikali, imma tista’ wkoll tixtri dak li jgħodd għalik fuq diska ta’ edizzjoni limitata. Dan għax huwa sabiħ li jkollok l-affarijiet f’idejk.
Fl-aħħar mill-aħħar naħseb li l-iskafef bil-kotba tagħna jistgħu jaqbdu l-istess triq. Jistgħu jkunu inqas fin-numru, imma xorta jibqagħlhom valur.