Aktar minn 7,000 ħaddiem minn pajjiżi barra l-UE daħlu fis-suq tax-xogħol Malti fl-ewwel nofs tas-sena li għaddiet li jfisser żieda ta’ 40 ħaddiem barrani kuljum l-aktar fil-kostruzzjoni, l-akkomodazzjoni, il-catering u servizzi amministrattivi.

Statistika mqegħda fil-parlament mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo turi li sa Ġunju tas-sena l-oħra n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) li jaħdmu f’Malta kien laħaq il-50,591.

Skont l-aġenzija tal-impjiegi tal-Istat, il-Jobsplus, kien hemm żieda kostanti fis-setturi ekonomiċi kollha fil-perjodu bejn Diċembru 2020 u Ġunju 2022, li ħabat mal-bidu gradwali tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 sa ma dawn tneħħew kompletament. Jirriżulta li n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) f’impjieg full-time jew part-time biss żdied minn 38,610 f’Diċembru 2020 għal 43,525 f’Diċembru 2021. Madankollu, l-irkupru ekonomiku wara t-tneħħija gradwali restrizzjonijiet tal-pandemija speċjalment f’setturi bħall-industrija tal-catering, l-akkomodazzjoni u t-turiżmu aċċelleraw l-influss ta’ ħaddiema barranin mhux mill-UE. Dan huwa rifless fil-fatt li bejn Diċembru 2021 u Ġunju 2022 in-numru ta’ TCNs żdied b’7,066 li huwa bejn wieħed u ieħor id-doppju tar-rata rispettiva tas-sena ta’ qabel.

SectorDec 2020Dec 2021Jun 2022
Agriculture, Forestry & Fishing 246 307 317
Mining & Quarrying 52 58 56
Manufacturing3,1073,6534,144
Electricity, Gas, Steam & Air Conditioning Supply 14 20 21
Water Supply Sewerage, Waste Management & Remediation Activities 285 277 326
Construction5,0736,1147,144
Wholesale & Retail Repair of Motor Vehicles & Motorcycles3,1963,6854,499
Transportation & Storage1,6502,0542,728
Accommodation & Food Service Activities4,9185,9587,267
Information & Communication 9461,2391,410
Financial & Insurance Activities1,1851,2161,335
Real Estate Activities 270 303 359
Professional, Scientific & Technical Activities2,9913,2813,740
Administrative & Support Service Activities6,6346,3957,681
Public Administration & Defence Compulsory Social Security 514 570 524
Education 727 787 869
Human Health & Social Work Activities3,9494,4014,652
Arts, Entertainment & Recreation1,7301,9692,122
Other Service Activities 736 804 933
Activities Of Households as Employers, Undifferentiated Goods & Services – producing Activities of Households for own use 348 389 417
 Activities of Extraterritorial Organisations & Bodies 39 45 47
Total38,61043,52550,591

Analiżi aktar profonda tal-istatistika turi li l-ogħla numru ta’ TCNs huma impjegati fl-attivitajiet amministrattivi u ta’ servizzi ta’ appoġġ fejn sa Ġunju 2022 in-numru tagħhom laħaq 7,681. Dan il-grupp jinkludi l-provvista ta’ firxa ta’ servizzi amministrattivi, bħall-ippjanar finanzjarju, kontijiet,  żamma ta’ rekords, distribuzzjoni fiżika u loġistika għal servizzi oħra fuq bażi ta’ kuntratt jew ħlas.

L-industrija tal-akkomodazzjoni ikklassifikat fit-tieni post b’7,267 f’Ġunju 2022 li kienet żieda sinifikanti meta mqabbel ma’ 18-il xahar qabel meta ċ-ċifra rispettiva kienet ta’ 4,918. Xejra bħal din tikkonferma l-bidla mgħaġġla fl-industrija tat-turiżmu li saret dominata mill-ħaddiema barranin, speċjalment fil-gradi l-aktar baxxi u elementari.

L-industrija tal-kostruzzjoni ikklassifikat fit-tielet post b’7,144 TCN li kienet żieda ta’ 2,071 meta mqabbla ma’ Diċembru 2020.

L-inqas numru ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi jinsabu fis-settur tal-provvista tal-elettriku, tal-gass, u tal-arja kundizzjonata bl-istatistika uffiċjali tgħid li hemm biss 21 ħaddiem mhux mill-UE.

Intant, statistika mqegħda fil-parlament mill-Ministru tal-Finanzi bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo uriet li ħafna minn dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi għandhom ħlas baxx. Fil-fatt ’il fuq minn 70% jitħallsu inqas minn €20,000 fis-sena li huwa inqas mis-salarju medju f’Malta. Barra minn hekk, 28.3% minnhom jaqilgħu inqas minn €10,000 li prattikament huwa fil-livell tal-paga minima. Din is-sitwazzjoni qanqlet kritika li d-dipendenza fuq ħaddiema barranin bi ħlas baxx qed tippromwovi cheap labour u taffettwa b’mod negattiv is-salarji fil-bqija tas-setturi rispettivi, hekk kif il-ħaddiema Maltin qed mhux qed jibqgħu kompetittivi mal-barranin.