Il-PE approva l-miri ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda, li jagħmlu parti mill-pakkett “Fit for 55”.

B’340 vot favur, 279 kontra u 21 astensjoni, il-MPE approvaw il-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar standards riveduti ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi u vannijiet ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-UE.Il-leġizlazzjoni l-ġdida twitti t-triq għal emissjonijiet żero tas-CO2 għal karozzi tal-passiġġieri ġodda u vetturi kummerċjali ħfief ġodda fl-2035 (mira għall-flotta kollha tal-UE li jitnaqqsu b’100 % l-emissjonijiet tas-CO2 prodotti minn karozzi u vannijiet ġodda meta mqabbel mal-2021). Miri ta’ tranżizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 huma stabbiliti għal 55% għall-karozzi u 50% għall-vannijiet.

Miżuri ewlenin oħra previsti mir-regolament:

  • Sal-2025, il-Kummissjoni se tippreżenta metodoloġija li tivvaluta u tirrapporta data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-karozzi u l-vannijiet mibjugħa fis-suq tal-UE, akkumpanjata minn proposti leġiżlattivi fejn xieraq;
  • Sa Diċembru 2026, il-Kummissjoni se tissorvelja d-diskrepanza bejn il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet u d-data dwar il-konsum tal-fjuwil u l-enerġija f’sewqan reali, tirrapporta dwar metodoloġija għall-aġġustament tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-manifatturi u tipproponi miżuri ta’ segwitu xierqa;
  • Il-manifatturi responsabbli għall-volumi ta’ produzzjoni żgħar f’sena kalendarja (1,000 sa 10,000 karozza ġdida jew 1,000 sa 22,000 vann ġdid) jistgħu jingħataw deroga sal-aħħar tal-2035 (dawk li jirreġistraw inqas minn 1,000 vettura ġdida kull sena jibqgħu jiġu eżentati);
  • Il-mekkaniżmu ta’ inċentivi għal vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi (ZLEV) fis-seħħ bħalissa, li jippremja lill-manifatturi li jbigħu aktar vetturi ta’ dan it-tip (b’emissjonijiet minn żero sa 50g CO2/km, bħal vetturi elettriċi u vetturi ibridi plug-in bi prestazzjoni tajba) b’miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi, se jiġi adattat biex jissodisfa x-xejriet tal-bejgħ mistennija. Mill-2025 sal-2029, il-punt ta’ referenza ZLEV huwa stabbilit għal 25% għall-bejgħ ta’ karozzi ġodda, u 17% għal vannijiet ġodda, u mill-2030 dan l-inċentiv se jitneħħa;
  • Kull sentejn, li jibdew mill-aħħar tal-2025, il-Kummissjoni se tippubblika rapport fejn tevalwa l-progress lejn mobbilità fit-triq b’emissjonijiet żero.

Wara l-votazzjoni finali fil-plenarja, it-test issa jrid jiġi appoġġjat formalment mill-Kunsill ukoll, imbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE ftit wara.