Front wieħed tal-unions favur il-ħaddiema hekk kif il-ħajja tkompli togħla
Il-Forum Unions Maltin, il-General Workers Union, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin, flimkien mal-UHM Voice of the Workers qed jitolbu laqgħa mal-Gvern biex ikun diskuss mekkaniżmu ġdid taż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
Din l-inizjattiva qed tittieħed fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti u bla preċedent li wasslet biex il-COLA fil-Budget li ġej se tkun qed titla’ għal livell rekord ta’ madwar €10.
Dawn il-unions li flimkien jirrappreżentaw eluf ta’ ħaddiema se jkunu qed jingħaqdu flimkien bħala front wieħed biex jippreżentaw proposta li permezz tagħha il-mekkaniżmu tal-COLA ikun jista jirrispondi għal ċirkostanzi bħal dawn filwaqt li jkun assigurat li ssir ġustizzja fl-interess tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.
Din il-proposta se sservi wkoll biex ikunu indirizzati ċerti anomaliji li jekk mhux se jsir xejn dwarhom fl-immedjat, se jkunu qed iwasslu għal problemi kbar ftit tas-snin oħra. Għalhekk b’sens ta’ responsabbiltà lejn il-membri iżda wkoll biex titħares is-sostenibbiltà tal-impjiegi, se tkun qed titressaq proposta għall-attenzjoni tal-Ministru tal-Finanzi, issa li d-diskussjoni dwar il-Budget qed tilħaq il-qofol tagħha.
Il-ħajja tkompli togħla
Sadattant, l-aħħar statistika uffiċjali turi li f’Awwissu li għadda l-ħajja għoliet b’7% li hu l-iktar rata għolja għal ħafna snin. Minkejja li meta mqabbla mal-kumplament tal-Ewropa ir-rata f’Malta kienet fost l-inqas, f’dak li għandu x’jaqsam mal-oġġetti essenzjali bħal ma huma ikel u xorb, l-għoli tal-ħajja f’Malta f’Awwissu żdied bi 11% fuq l-istess xahar tal-2021.
It-tieni l-ikbar żieda kienet fil-kategorija tal-akkomodazzjoni u enerġija b’9.2%. Meta wieħed iqis li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel baqgħu l-istess waqt li r-rati tad-dawl u l-ilma ukoll ma nbidlux, ifisser li ż-żieda fl-akkomodazzjoni kienet qawwija ħafna. It-trasport, l-attivitajiet rikreattivi u l-kultura ġew fit-tielet post b’żieda ta’ 8.1%
Dan il-kejl magħruf bħala l-Harmonized Index of Consumer Prices (HICP) jixbah lil Indiċi tal-Prezzijiet (RPI) li fuqu tinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Madankollu, l-HICP jkejjel ukoll l-għoli tal-ħajja fi djar residenzjali bħal dawk tal-anzjani kif ukoll fis-settur tat-turiżmu. Barra minn hekk l-HICP juża indiċi (kategoriji) li huma l-istess fil-pajjiżi tal-UE fil-waqt li dawk tal-Indiċi tal-Prezzijiet huma xi ftit differenti u partikolari għal Malta.
Kemm l-HICP kif ukoll l-RPI jitkejlu billi jkunu osservati l-movimenti ta’ aktar minn 14,000 prezz ta’ aktar minn 470 prodott kull xahar.