Front liners għadhom jistennew ftehim kollettiv ġdid
Il-bżonn ta’ aktar riżorsi biex iwettqu dmirijiethom aħjar, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, u inċentivi biex jattiraw persuni kwalifikati lejn dan is-settur, huma t-talbiet ewlenin li l-uffiċjali tas-saħħa ambjentali għamlu lill-Gvern tliet snin ilu. Minkejja li dawn il-ħaddiema huma fost il-front liners fil-ġlieda kontra l-pandemija COVID-19, il-Gvern qed ikaxkar saqajh.
L-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali tas-Saħħa Ambjentali ta’ Malta (MEHOA) u l-UĦM Voice of the Workers, flimkien, qed jaħdmu sabiex dawn ir-riżorsi jingħataw. Infatti ftit mill-bidliet qed jiġu mbuttati sabiex ikunu parti mill-ftehim kollettiv il-ġdid li qed jiġi nnegozjat mill-UĦM Voice of the Workers. Min-naħa tal-MEHOA qed jinsistu fuq l-importanza li l-professjoni tingħata l-importanza tagħha. L-uffiċjali tas-saħħa ambjentali jifformaw parti mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, fejn hemm madwar 100 impjegat li l-maġġoranza tagħhom huma membri tal-Assoċjazzjoni.
‘Dmirijiet ġodda mingħajr ebda kumpens u konsultazzjoni’
Hekk kif faqqgħet il-pandemija, l-uffiċjali tas-saħħa ambjentali ħadu rwol prominenti peress li ġew fdati bil-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni li jinkludu spezzjonijiet biex jaraw li l-individwi qed isegwu l-kwarantina, osservanza ta’ protokolli maħruġa mis-Sovrintendenza, kontroll tad-dokumentazzjoni tal-passiġġieri li ġejjin minn pajjiżi tal-lista oranġjo, u l-osservanza tal-avviżi legali kollha li qed jinħarġu.
Id-dmirijiet tagħhom jinkludu wkoll l-iskejjel qed jimxu mar-regolamenti sabiex ikun hemm ambjent sigur fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa u funzjonijiet oħra li ma jaqgħux taħt il-mandat dirett tagħhom. Madankollu, huma obbligati jagħmlu dawn id-dmirijiet addizzjonali bħala riżultat ta’ liġi ġdida – l-Att li Jikkordina l-Ispezzjonijiet tal-Gvern. Kien għalhekk li l-assoċjazzjoni ilmentat mal-Awtoritajiet tas-Saħħa li dawn l-uffiċjali ma ġewx ikkonsultati u mhux qed jingħataw kumpens xieraq.
Bżonn ta’ aktar riżorsi
Il-MEHOA qed titlob għal aktar riżorsi fosthom sistema xierqa tal-informatika.
L-assoċjazzjoni qed tagħmel ukoll pressjoni biex ikun hemm laboratorju akkreditat għall-ittestjar, tagħmir kalibrat, apparat ieħor bħal drones, kits tat-test rapidu, u taħriġ kif mitlub mir-regolamenti tal-UE. Apparti hekk, il-postijiet vakanti eżistenti għandhom jimtlew biex itaffu l-piżijiet amministrattivi u jippermettu aktar attenzjoni fuq id-dmirijiet ewlenin. L-assoċjazzjoni esprimiet ukoll id-diżappunt tagħha li l-gvern mhux qed jippromwovi r-rwol tal-professjoni tal-Uffiċjali tas-Saħħa Ambjentali, fi sforz biex jattira demm ġdid u persuni bi kwalifiki għolja.
Issa l-waqt li tittieħed azzjoni
Qabel il-bidu tal-pandemija, l-uffiċjali tas-saħħa ambjentali kienu fuq azzjoni industrijali, li kienet twaqqfet bħala sinjal ta’ rieda tajba wara li l-gvern ikkommetta ruħu li kwalunkwe ftehim milħuq ikun bl-arretrati. Filwaqt li l-Gvern ippreżenta l-kontro-proposti tiegħu, dawn ma jindirizzawx it-talbiet kollha tal-assoċjazzjoni.
Il-UĦM Voice of the Workers għal darb’oħra tappella lill-gvern biex jindirizza din il-kwistjoni u jagħti dak li verament jistħoqqilhom l-uffiċċjali tas-saħħa ambjentali.