Fl-aħħar sitt xhur xirja ta’ oġġetti essenzjali għoliet b’€7.69
Iż-żieda fil-prezz tal-oġġetti essenzjali mis-supermarkets qed tippersisti, hekk kif l-ispiża ta’ xirja bażika għal familja ta’ erbgħa żdiedet b’medja ta’ €7.69 fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Iż-żieda kienet reġistrata fi studju li għaddej bħalissa mill-UHM Voice of the Workers li qed tissorvelja l-prezzijiet fi tliet supermarkets ewlenin.
Jirriżulta li xirja ta’ oġġetti bażiċi li l-ispiża tagħhom f’Jannar kienet bejn €133.05 u €138.64 (skont is-supermarket) żdiedet għal €138.95 sa €148.37. Dan ifisser żieda bejn €5.90 sa €9.73 li bħala medja hi 5% ogħla.
Il-lista ta’ oġġetti li hija konservattiva ħafna, hi bbażata fuq l-istil ta’ ħajja tipiku ta’ familja ta’ erbgħa b’żewġt itfal u fiha prodotti tal-ħalib, għaġin, ħobż, oġġetti tal-ħasil, ikel fil-laned, ċereali, frott u ħaxix, tiġieġ u ċanga, u ikel friżat. Oġġetti bħal ħelu, soft drinks u alkoħol mhumiex inklużi. Il-lista hi stmata li tkopri bejn ġimgħa jew ġimagħtejn skont il-livelli ta’ konsum. B’mod ġenerali, għażilna kwantitajiet modesti. Konsegwentement, iż-żieda fl-ispejjeż ta’ kull xahar mill-bidu tas-sena tista’ titla’ għal madwar €30 jekk din ix-xirja ssir kull ġimgħa. Barra minn hekk, ta’ min jikkunsidra wkoll li minbarra dawn il-prodotti hemm żidiet oħra fosthom ħwejjeġ, żraben, ikel għall-annimali u affarijiet li jinxtraw mingħand taż-żebgħa.
L-aħħar spinta ’l fuq fil-prezzijiet ġrat ftit tal-jiem ilu meta l-Malta Dairy Products, li hi propjetarja tad-ditta Benna ħabbret żieda oħra fil-prezzijiet minħabba li qalet li għola l-għalf tal-annimali. Dan minkejja ż-żieda fis-sussidji tal-gvern lill-bdiewa u l-produtturi. Din kienet it-tielet żieda fil-prodotti Benna minn Lulju 2019 meta l-prezz tal-ħalib kien żdied bi 11ċ kull kartuna.
L-inflazzjoni f’Mejju tkompli togħla
Intant, iż-żieda qawwija fl-inflazzjoni tista’ tfisser li din is-sena l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) li hi żieda fil-paga ta’ kull ġimgħa biex tikkumpensa għas-sena ta’ qabel, tista’ tilħaq €8. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-inflazzjoni annwali kif imkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut f’Mejju kienet ta’ 6.02% bil-medja li tiċċaqlaq fuq 12-il xahar titla’ għal 3.26% li hija għolja ħafna meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. L-aktar żieda qawwija kienet irreġistrata fl-indiċi tal-ikel segwit minn dak tad-djar (li jinkludi r-rati tal-kera u l-manutenzjoni). Id-deċiżjoni tal-Gvern li jżomm il-prezzijiet tal-fuel u l-enerġija stabbli rażżnet xi ftit l-għoli tal-ħajja milli jkompli jirranka.
Fil-Baġit 2022, il-gvern kien ħabbar mekkaniżmu ġdid biex jikkumpensa lill-familji vulnerabbli f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn. Għalkemm tnieda proċess ta’ konsultazzjoni u l-UHM għamlet il-proposti tagħha, għadha ma tħabbret l-ebda deċiżjoni.