L-aħbar li Malta m’għadhiex fil-lista griża tal-Financial Action Task Force (FATF) intlaqgħet tajjeb minn kulħadd. B’mod ġenerali ħadna r-ruħ għax issa m’għadniex fl-istess keffa ma’ pajjiżi bħal Albanija, iż-Żimbabwe, il-Jemen u l-Panama. Sena ilu, l-FATF kienet poġġiet lil Malta taħt skrutinju qawwi minħabba n-nuqqasijiet serji tagħha fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja. Id-deċiżjoni kienet ilha ġejja fid-dawl ta’ sensiela ta’ skandli li kienu għerrew l-awtorità morali u l-fiduċja fl-awtoritajiet regolatorji u s-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. M’hemm l-ebda dubju li jekk politiċi uffiċjali pubbliċi mlaħħqa jkunu involuti f’affarijiet xejn sbieħ jew ikunu assoċjati ma’ nies b’kondotta dubjuża għall-gwadann personali tagħhom, tixgħel il-bozza l-ħamra. Filwaqt li l-ebda pajjiż ma hu verġni u pur, il-problemi jibdew meta l-awtoritajiet jew jitilfu snienhom u ma jigdmux fejn ikun hemm bżonn, jew agħar minn hekk ikunu kompliċi. Bla dubju, id-deċiżjoni li Malta titpoġġa fil-lista l-griża kienet daqqa ta’ ħarta kbira għar-reputazzjoni tagħna. F’termini sportivi Malta saret tim li filli kien qed jiġġieled għar-rebħ tal-kampjonat għal wieħed li safa relegat.

Issa li ħadna postna lura mal-pajjiżi l-oħra, hu kruċjali li nibqgħu saqajna mal-art u nirrealizzaw li t-triq biex insewwu r-reputazzjoni tagħna għadha kif bdiet. Ir-riformi waħedhom ma jfissru xejn sakemm ma jiġux applikati minn fuq s’isfel u fl-ispirtu veru tagħhom. Sfortunatament, dawk il-Maltin diġà ħallsu prezz għal dan kollu, gġax qed iħabbtu wiċċhom ma’ burokrazija esaġerata fejn jidħlu banek u tranżazzjonijiet finanzjarji. Hu naturali li wieħed jistenna li dan ir-reġim strett jiġi applikat kullimkien u ma’ kulħadd inklużi l-politiċi mhux biss fis-settur finanzjarju iżda mill-korpi regolatorji kollha. Irridu nammettu li għadha teżisti l-perċezzjoni li xi membri tas-soċjetà tagħna donnhom ma jista’ għalihom ħadd u għandhom kuntatti kullimkien.  

L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għadha kwistjoni miftuħa, mhux biss mal-FATF iżda wkoll ma’ Brussell. Għalkemm il-pajjiż daħħal miljuni, ta’ dan ħallasna prezz għoli u t-triq ’il quddiem għandha tkun li jiġu identifikati niċeċ ġodda ta’ investiment ibbażati fuq valur miżjud.

Kull min jassumi li għax ħriġna mil-lista l-griża awtomatikament m’għadniex taħt il-lenti ikun qed jieħu riskju kbir. Tabilħaqq, issa ninsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ xi ħadd taħt probation fejn mossa waħda ħażina, tista’ twassal għal problemi kbar. Li mmorru lura għal ċerti ‘drawwiet ħżiena’ jew nillaxkaw ċerti kontrolli ikun żball enormi li l-konsegwenzi tiegħu ibatihom il-pajjiż kollu.