Fit for 55: Il-Parlament u l-Kunsill jilħqu ftehim dwar fuels tal-avjazzjoni aktar ekoloġiċi
In-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill qablu li jżidu l-użu ta’ fuels sostenibbli, bħal biofuels avvanzati jew idroġenu, fis-settur tal-avjazzjoni.
Ftehim provviżorju, milħuq bejn il-Parlament Ewropew u n-negozjaturi tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-Avjazzjoni RefuelEU, jistabbilixxi s-sehem minimu ta’ fuels tal-avjazzjoni sostenibbli li għandu jsir disponibbli fl-ajruporti tal-UE, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiġi żgurat li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.
Il-MPE kisbu ftehim li, mill-2025, mill-inqas 2% tal-fuels tal-avjazzjoni se jkunu ħodor, b’dan is-sehem jiżdied kull ħames snin: 6% fl-2030, 20% fl-2035, 34% fl-2040, 42% fl-2045 u 70% fl-2050. Barra minn hekk, proporzjon speċifiku tat-taħlita tal-fuel (1.2% fl-2030, 2% fl-2032, 5% fl-2035 u progressivament jilħaq 35% fl-2050) għandu jinkludi fuels sintetiċi bħal e-kerosene.
X’inhu fuel aħdar?
Skont il-ftehim, it-terminu ‘fuels tal-avjazzjoni sostenibbli’ se jinkludi fuels sintetiċi, ċerti biofuels prodotti minn residwi agrikoli jew tal-forestrija, alka, bioskart, żejt tat-tisjir użat jew ċerti xaħmijiet tal-annimali, u jet fuels riċiklati prodotti minn gassijiet u skart tal-plastik.
Il-MPE żguraw li fuels ibbażati fuq l-għalf u dawk derivati minn materjali tal-palm u tas-sojja ma jitqiesux bħala ħodor peress li ma jallinjawx mal-kriterji tas-sostenibbiltà. Irnexxielhom jinkludu wkoll idroġenu rinnovabbli bħala parti minn taħlita ta’ fuel sostenibbli, teknoloġija promettenti li tista’ tikkontribwixxi progressivament għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bl-ajru.
Eko-tikketta għal titjiriet u investimenti f’fuels aktar ekoloġiċi
Biex jippromwovu aktar id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni u biex jinfurmaw lill-pubbliku, il-MPE żguraw li mill-2025 se jkun hemm tikketta tal-UE għall-prestazzjoni ambjentali tat-titjiriet. Il-linji tal-ajru se jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw it-titjiriet tagħhom b’tikketta li tindika l-marka tal-karbonju mistennija għal kull passiġġier u l-effiċjenza mistennija tas-CO2 għal kull kilometru. Se tippermetti lill-passiġġieri jqabblu l-prestazzjoni ambjentali tat-titjiriet operati minn kumpaniji differenti fuq l-istess rotta.
Il-MPE rnexxielhom jikkonvinċu wkoll lill-istati membri tal-UE biex jidderieġu d-dħul kollu minn multi ta’ nuqqas ta’ konformità minn linji tal-ajru, ajruporti jew fornituri tal-fuel, lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni biex inaqqsu d-differenza fil-prezz bejn il-fuels sostenibbli u konvenzjonali.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim informali għad irid jiġi approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill u l-kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament, u mbagħad il-Kunsill u l-Parlament kollu kemm hu.
Informazzjoni ta’ sfond
L-avjazzjoni ċivili tirrappreżenta 13.4% tal-emissjonijiet totali tas-CO2 mit-trasport tal-UE. L-inizjattiva ReFuelEU Aviation hija parti mill-pakkett “Fit for 55 in 2030”, l-istrateġija tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.