Fejn hu r-rispett f’dan il-pajjiż?
“Jeħtieġ li ninvestu ħafna iktar f’dik li hi l-edukazzjoni ċivika – li wieħed jitgħallem jirrispetta lil ħaddieħor.” Hekk stqarr Dr. Michael Briguglio, lettur tas-Soċjoloġija fl-Universita’ ta’ Malta, f’intervista li saret minn Voice of the Workers.
Dr. Briguglio qal li fis-soċjeta’ Maltija, tradizzjonalment, kien hawn ċertu rispett bejn persuna u oħra. Iżda llum mexjin lejn soċjeta’ li aktar tivvaloratizza dak li hu istantantanju jew il-gratifikazzjoni ta’ dak il-mument, u xi kultant aktar qed tippremja l-egoiżmu.
Mistoqsi dwar jekk l-inċident ikrah li fih kien involut il-Kuntistabbli Simon Schembri hux rifless tas-soċjeta’ jew il-kultura li qed ngħixu bħalissa, Michael Briguglio stqarr li l-inċident gravi hu ta’ min jistmerru iżda ma jaħsibx li l-każ jirrifletti s-soċjeta’ Maltija. Madankollu hu ma jistax ma jinnotax li fis-soċjeta’ Maltija mexjin lejn kultura fejn l-individwu jiġi qabel kollox.
Dr. Briguglio jikkontendi li l-politiċi u kulmin isawwar il-politika f’Malta għandhom l-obbligu li ma jitkellmux biss fuq dak li għandna nieħdu mis-soċjeta’ imma għandhom jitkellmu wkoll fuq kemm għandhom jagħtu lis-soċjeta’ – ir-rispett lejn ħaddieħor.
Fl-intervista, hu qal li hemm ħafna affarijiet li qed iwasslu biex ċertu sezzjonijiet mill-pubbliku Malti qed ‘jaqgħu u jqumu’ mill-imġieba ċivili. Hu stqarr li jekk wieħed iħares lejn il-media aktar qed naraw il-promozzjoni tal-egoiżmu f’diversi fora. Minkejja li l-media soċjali bħal Facebook hi għodda tajba u neċessarja biex nikkomunikaw, din tintuża biex nuru nuqqas ta’ rispett lejn xulxin.
Dr. Briguglio tkellem ukoll dwar “id-diskors ta’ mibegħda” partikularment fil-media soċjali u qal li ċ-ċittadini għandhom jingħataw l-għodda biex jirregolaw lilhom infushom u jitgħallmu x’inhi mġieba pubblika fuq il-media soċjali.
Ara l-intervista sħiħa fil-video:-