Elezzjonijiet Ewropej: l-Ewro Parlamentari jappoġġjaw id-dati tal-votazzjoni għall-2019
L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jsiru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju 2019. L-Ewro Parlamentari appoġġjaw din il-proposta tal-Kunsill u wkoll approvaw il-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali tagħhom għall-2019.
Il-proċedura tal-konsultazzjoni għall-approvazzjoni tad-dati tal-elezzjoni tal-UE kienet ippreparata mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew, li appoġġja r-rapport.
Id-dati tal-elezzjoni kienu approvati f’sessjoni plenarja, b’492 vot favur, 14-il vot kontra u 24 astensjoni.
Il-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali tal-Parlament għall-2019 ukoll kien maqbul mill-plenarja f’vot separat.
“Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea se jingħaqdu biex jeleġġu u jikkomunikaw mal-Parlament Ewropew għad-disa’ darba”, qalet Danuta Huebner, ir-rapporteur tal-Parlament.
Wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill hu mistenni li jiffinalizza l-proċedura qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2018, sabiex jingħata ħin biżżejjed lill-UE biex torganizza l-elezzjonijiet Ewropej tas-sena d-dieħla.
Skont l-Att Elettorali tal-1976, l-elezzjonijiet Ewropej fl-2019 għandhom isiru bejn il-Ħamis 6 u l-Ħadd 9 ta’ Ġunju, pari passu mad-dati li saru l-ewwel elezzjonijiet diretti tal-UE (il-Ħamis 9 sal-Ħadd 12 ta’ Ġunju 1979). Madankollu, dejjem jekk il-Kunsill jaġixxi b’mod unanimu, għandu d-dritt li jipproponi dati ġodda f’ċertu perijodu taż-żmien, wara li l-ewwel ikun ikkonsulta mal-Ewro Parlamentari.