Ejjew ma ninsewx il-klassi tan-nofs
Stħarriġ reċenti tal-Eurobarometer ikkonkluda li l-maġġoranza tal-Maltin jidentifikaw lilhom infushom bħala nies tal-klassi tan-nofs. Filwaqt li xi wħud jidentifikaw din il-kategorija tas-Soċjetà bħala professjonisti, maniġers jew sidien ta’ negozji, il-karatteristika ewlenija tista’ tkun ukoll dawk kollha li d-dħul tagħhom jaqbeż il-paga medja iżda mhux dawk fil-kategorija ta’ fuq nett.
Madankollu, fil-każ ta’ Malta wieħed jista’ jiddeskrivi l-klassi tan-nofs bħala dawk li ħafna drabi jaqilgħuha fuq rashom għax ikunu intaxxati bil-kbir u filwaqt li jħossuha sew meta l-gvern jissikka ċ-ċintorin. Filwaqt li minn naħa huma meqjusa bħala ‘sinjuri’ biex ikunu eliġibbli għal ċerti benefiċċji tal-Istat bħal akkomodazzjoni soċjali, roħs fl-enerġija u skemi oħra, min-naħa l-oħra huma huma fost dawk li jħallsu l-aktar taxxa ras għal ras hekk kif jiddikjaraw sal-aħħar ċenteżmu li jaqilgħu.
Il-qagħda tagħhom tista’ ssir saħansitra agħar fil-Baġit li jmiss hekk kif il-gvern indika li se jkun qed jgħin lil dawk li għandhom dħul baxx u huma kunsidrati l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Konsegwentement, apparti ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, dawk li għandhom dħul baxx se jkunu qed jieħdu aktar permezz ta’ mekkaniżmu ġdid li ilu li tħabbar xhur sħaħ. Dan il-mekkaniżmu mistenni jiġi żvelat dalwaqt. Madankollu, dawk li fuq il-karta mhux meqjusin li għandhom dħul baxx mhu se jieħdu l-ebda għajnuna oħra ħlief il-COLA. F’xi każijiet, min ikun fil-klassi tan-nofs u jaħdem aktar jispiċċa jkun ikkastigat għax il-ftit eluf li jaqla’ aktar fis-sena jfisser jispiċċa jħallashom taxxa u jtitlef l-eliġibilità għal ċerti servizzi tal-Istat. Xi drabi dawk fil-klassi tan-nofs jispiċċaw jaqilgħuha miż-żewġ naħat. Huma jitilfu 25% tal-COLA hekk kif jiġu ntaxxati. Barra minn hekk, huma meqjusa ineliġibbli biex jiksbu appoġġ addizzjonali bħall-mekkaniżmu tal-familji vulnerabbli. Għalhekk, jispiċċaw iġorru l-akbar piż fis-soċjetà.
Huwa għalhekk li l-UHM Voice of the Workers qed tappella lill-gvern biex ma jinsiex il-klassi tan-nofs. Filwaqt li l-union tfaħħar il-miżuri biex tingħata għajnuna lill-familji bi dħul baxx, tistenna sett ta’ miżuri immirati wkoll għall-klassi tan-nofs. Il-mument li l-klassi tan-nofs tibda titnaqqar ikun ifisser inkwiet għall-ekonomija tagħna.
Il-klassi tan-nofs hi s-sinsla ta’ soċjetajiet demokratiċi u ekonomiji b’saħħithom, iżda f’ħafna pajjiżi, jiffaċċjaw pressjoni dejjem tikber hekk kif is-saħħa ekonomika tagħhom qed titnaqqar meta mqabbla mal-familji bi dħul ogħla. Il-pagi u d-dħul reali għall-biċċa l-kbira ta’ dawk fil-klassi medja kibru bil-mod meta mqabbla maż-żieda fl-infiq. Dan qed ipoġġi aktar pressjoni fuq il-livell tal-għajxien. Sadanittant, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, u t-tibdil demografiku qed inaqqsu l-opportunitajiet ta’ xogħol għal ħaddiema b’ħiliet medji, li jirriskjaw li jkollhom jaċċettaw impjiegi b’pagi baxxi. Din il-kwistjoni jistħoqqilha kull attenzjoni mill-gvern u l-imsieħba soċjali peress li fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu fuq il-maġġoranza tal-poplu tagħna.