€455 miljun f’għajnuna mill-UE wara diżastri naturali
Il-MPE approvaw kważi €455 miljun f’għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE wara diżastri naturali reċenti fir-Rumanija, l-Italja u t-Turkija.
Il-Membri tal-Kumitat għall-Baġits jesprimu “l-aktar solidarjetà profonda”” tagħhom mal-vittmi, il-familji tagħhom u l-individwi kollha milquta mid-diżastri naturali fir-Rumanija, l-Italja u t-Turkija. Huma għamlu referenza għan-“numru dejjem jiżdied ta’ diżastri naturali severi u distruttivi fl-Ewropa”, qalu li “minħabba t-tibdil fil-klima avvenimenti estremi tat-temp bħal dawk osservati fir-Rumanija u l-Italja li jirriżultaw f’emerġenzi se jkomplu jintensifikaw u jimmultiplikaw”. L-UE għandha, jgħidu l-MPE, “issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tindirizza t-tibdil fil-klima kemm fl-Unjoni kif ukoll globalment”
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tuża l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) biex tagħti għajnuna finanzjarja lit-tliet pajjiżi affettwati għall-valur ta’ €454,835,030. L-assistenza tal-EUSF se tkopri partijiet mill-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru bħat-tiswija tal-infrastruttura bil-ħsara, l-bini tal-infrastruttura preventiva u l-protezzjoni tal-wirt kulturali, kif ukoll operazzjonijiet ta’ tindif. Skont ir-regoli tal-fond, l-operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru jistgħu jiġu finanzjati mill-EUSF retroattivament mill-ewwel jum ta’ diżastru.
Il-pakkett ta’ għajnuna ġie approvat b’26 vot favur, vot kontra u 2 astensjonijiet.
Tista’ ssib aktar informazzjoni hawn (proposta tal-Kummissjoni) u fir-rapport tal-PE mir-rapporteur Katalin Cseh, li jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-assistenza tal-EUSF. Il-Kunsill diġà approva l-għajnuna fit-18 ta’ Settembru. Il-votazzjoni fil-plenarja hija skedata għas-sessjoni plenarja tat-2-5 ta’ Ottubru.
Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) twaqqaf biex iwieġeb għal diżastri naturali kbar u jesprimi solidarjetà Ewropea għar-reġjuni milquta minn diżastri fl-Ewropa. Il-Fond inħoloq bħala reazzjoni għall-għargħar sever fl-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002. Minn dakinhar, intuża għal 107 diżastri naturali li jkopru firxa ta’ avvenimenti katastrofiċi differenti inklużi għargħar, nirien fil-foresti, terremoti, maltempati, u nixfa. Il-Fond ġie mobilizzat ukoll għal 20 intervent bħala rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika.