€400,000 f’multi mill-ERA…aktar minn nofshom għadhom mhux imħallsa
Aktar minn nofs l-€400,000 li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) imponiet f’multi ta’ kuljum għal diversi illegalitajiet li seħħew bejn l-2016 u din is-sena , għadhom ma nġabrux. Filwaqt li xi wħud minnhom għad iridu jitħallsu minħabba li qed jiġu appellati, ma hemm l-ebda spjegazzjoni dwar il-kumplament tal-ammont.
Dettalji dwar l-infurzar mill-ERA ġew żvelati fil-parlament mill-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis. L-istatistika tiddistingwi bejn multi ta’ kuljum u multi amministrattivi (imposti bħala ammont f’daqqa) li huma regolati minn liġijiet differenti.
Għalkemm l-informazzjoni tkopri perjodu ta’ sitt snin mill-2016 sat-22 ta’ Novembru 2021, il-biċċa l-kbira nħarġu mill-2018 ’il quddiem. Skont il-ministru tal-ambjent dan huwa dovut għall-fatt li l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-impożizzjoni ta’ multi ta’ kuljum daħlet fis-seħħ fl-2018.
F’dan ir-rigward il-valur finanzjarju tat-63 multa ta’ kuljum (li jistgħu jilħqu €100 kuljum) maħruġa f’Malta matul f’dawn is-sitt snin hu ta €403,245. B’kollox tħallsu 45 multa li jammontaw għal €188,730 jew 47% tal-ammont totali li kien dovut. Konsegwentement, l-ERA għad trid tiġbor €214,515 li minnhom €206,490 kienu multi ta’ kuljum maħruġa fl-2021. Erbgħa biss mit-18-il multa ta’ kuljum li għadhom mhux imħallsa huma pendenti minħabba appell.
Fir-rigward ta’ Għawdex, l-ERA ħarġet biss ħames multi ta’ kuljum li jammontaw għal €1,370 li minnhom tħallsu tnejn biss. Il-biċċa l-kbira tal-ammont pendenti li huwa ta’ €675 huma multi li nħarġu din is-sena u kienu jinkludu każijiet li fihom hemm appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ippjanar tal-Ambjent.
Għalkemm l-informazzjoni mogħtija fil-parlament tinkludi wkoll analiżi dettaljata tal-multi amministrattivi, ma ġew ippubblikati ebda dettalji dwar l-ammonti involuti, minkejja li din l-informazzjoni ntalbet mid-Deputat Nazzjonalista.
Mill-informazzjoni li ngħatat jirriżulta li f’Malta bejn l-2016 u Novembru ta’ din is-sena nħarġu 603 multa amministrattiva li minnhom tħallsu 467. Bl-eċċezzjoni ta’ 17-il multa mhux imħallsa li huma pendenti minħabba appell, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaliex l-ammonti dovuti għadhom ma tħallsux.
Rigward Għawdex, 86 mill-104 multa amministrattiva maħruġa tħallsu. Waħda biss mit-18-il multa mhux imħallsa tinsab fl-appell, li jfisser li s-17-il multa mhux imħallsa li jifdal qatt ma tħallsu.
Xejra oħra impressjonanti mill-istatistika mressqa fil-parlament hi li fl-2016 u l-2017 inħarġu biss żewġ multi. Min-naħa l-oħra, fl-2020, inħarġu xejn inqas minn 321 multa amministrattiva li minnhom 70 mhumiex imħallsa.
L-ERA twaqqfet fl-2015 b’riżultat tal-qasma tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u ħafna drabi ġiet kritikata li hi bla snien. Din l-impressjoni toħroġ mir-riżorsi relattivament limitati u n-nuqqas ta’ piż li l-ERA għandha f’deċiżjonijiet li jikkonċernaw dwar żviluppi kontroversjali.