€268 miljun x’aktarx mormija
Investigazzjoni dwar il-ftehim tal-isptarijiet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ikkonkludiet li mill-inqas €268 miljun x’aktarx intremew, peress li din is-somma enormi ħadd ma jaf eżattament fejn spiċċat. Ras għal ras din iċ-ċifra tammonta għal madwar €514 għal kull abitant tal-Gżejjer Maltin.
Jirriżulta li fil-perjodu bejn l-2016 u l-2021 il-gvern ħallas lill-konċessjonarju (Vitals Global Healthcare u sussegwentement Steward Health Care) madwar €456 miljun li minnhom €188 miljun marru għas-salarji. Madankollu, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dwar kif intefqu l-€268 miljun li kien fadal, fost evidenza li dawn il-flus ‘għebu’ hekk kif il-konċessjonarju naqas milli jonora l-obbligi li kellu fosthom investimenti kapitali. Fil-fatt, l-isptar il-ġdid f’Għawdex qatt ma nbena, filwaqt li San Luqa tħalla abbandunat u fi stat mitluq. Dawn l-investimenti kienu aspetti ewlenin ta’ dan il-ftehim, iżda l-konċessjonarju naqas milli jżomm kelmtu bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu.
Barra minn hekk, l-ispiża reali ta’ dan il-ftehim “frawdolenti” li ġie annullat mill-Qorti fi Frar li għadda, x’aktarx li tkun ferm ogħla peress li l-investigazzjoni tal-NAO ma kkunsidratx €200 miljun addizzjonali li l-konċessjonarju daħħal fil-but fl-2022 u l-2023.
Apparti l-aspett purament finanzjarju, il-ftehim kien kritikat bl-aħrax fuq diversi fronti oħra mill-NAO. Fil-verità, din ma kinitx sorpriża, hekk kif it-taħwid tal-ftehim kien diġà ħareġ f’żewġ rapporti preċedenti li kienu parti minn investigazzjoni li kienet intalbet mill-UHM Voice of the Workers fl-2016.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-NAO uża ruħu lingwaġġ qawwi ħafna fir-rigward tal-eks ministru tas-saħħa Konrad Mizzi li kien mexxa l-ftehim, tant li akkużah li “żgwida” lill-Kabinett. Din l-akkuża saret wara li ħareġ li l-gvern kien qabel li jekk iħassar il-ftehim, irrispettivament mir-raġuni, ikollu jħallas multa ta’ €100 miljun. Barra minn hekk, l-NAO irrimarka li ma setax jifhem id-deċiżjoni “illoġika” li Konrad Mizzi jinżamm fit-tmexxija tal-ftehim anke wara li tneħħielu l-portafoll tas-saħħa wara l-involviment tiegħu fl-iskandlu tal-Panama Papers fl-2016.
Fil-konklużjonijiet tiegħu ir-rapport ma qgħadx lura milli jitkellem b’mod ċar biex jiddeskrivi din is-saga. Fil-fatt titli bħal “negozjati mċajpra”, “fl-abbiss”, “negozjar ta’ dak li mhux negozjabbli” u “tmiem bla tama” huma espressjoni qawwija tal-opinjoni li l-NAO għandu ta’ din is-saga, li dam jinvestiga għal seba’ snin.