Digital Green Certificate: Il-MPE jitolbu kjarifiki
Il-MPE staqsew lill-Kummissarju għall-Ġustizzja Didier Reynders dwar id-Digital Green Certificate propost reċentement u iddiskutew l-aspetti tal-protezzjoni tad-data mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Kummissarju Reynders enfasizza li l-għan tal-proposta hi li tiffaċilita l-moviment liberu u biex matul il-pandemija ċittadini tal-UE ma jkunu diskriminati. Din il-proposta taħseb fil-ħolqien ta’ dokument fiżiku jew diġitali dwar il-COVID-19, partikularment jekk id-detentur tlaqqamx, kienx infettat u fieqx mill-virus.
Reynders assigura lill-MPE li l-Kummissjoni lesta tlesti x-xogħol infrastrutturali tekniku meħtieġ sal-aħħar ta’ Ġunju, u li ċ-ċertifikat ma jirriżultax f’database ċentralizzata fuq livell Ewropew.
Ċertifikat biex jiffaċilita l-moviment liberu mingħajr diskriminazzjoni
Diversi MPE wissew kontra li ċ-ċertifikat isir obbligatorju għall-ivvjaġġar fl-Ewropa għax dan jimmina l-iskop tal-moviment ħieles. Huma ħeġġew lill-Kummissjoni biex tibqa’ viġilanti u tinforza l-moviment liberu quddiem ċertu manuvri mill-istati membri.
Il-MPE indikaw ukoll in-nuqqas ta’ kunsens dwar il-kwistjoni tal-immunità miksuba u innutaw li l-Kummissjoni se jkollha tikkunsidra żviluppi xjentifiċi u standards internazzjonali futuri meta tkun qed tfassal iċ-ċertifikat. Is-sitwazzjoni ta’ dawk imlaqqma b’vaċċini li bħalissa mhumiex rikonoxxuti mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, tqajmet ukoll fid-diskussjoni.
Diversi MPE talbu kjarifiki dwar ir-relazzjoni bejn iċ-ċertifikat tal-UE u inizjattivi nazzjonali simili iżda separati fl-istati membri li jikkunsidraw iċ-ċertifikati tas-saħħa tagħhom stess. MEPs oħra indikaw ukoll li ċ-ċittadini għandhom bżonn urġenti aċċess għal PCR tests bi prezz raġonevoli sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni potenzjali kontra dawk mhux imlaqqma.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data Wojciech Wiewiórowski, ippreżenta lill-kumitat l-opinjoni konġunta tiegħu u tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta tal-Kummissjoni. Il-MPE enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm standards għoljin ta’ protezzjoni tad-data f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza kif ukoll definizzjonijiet ċari ta’ min hu responsabbli għall-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni. Il-Plenarja se tadotta l-mandat tal-PE għal negozjati mal-Kunsill, li jistgħu jinkludu emendi, matul is-sessjoni li jmiss (26-29 ta’ April).