Charger komuni: Il-MPE jaqblu dwar proposta biex jitnaqqas l-iskart elettroniku
Il-MPE jappoġġjaw charger komuni għal apparat elettroniku portabbli, li jnaqqas l-iskart elettroniku u jagħmel l-użu ta’ mobiles, tablets u kameras diġitali differenti aktar konvenjenti. Il-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar id-Direttiva riveduta dwar it-Tagħmir tar-Radju bi 43 vot favur (2 kontra).
Ir-regoli l-ġodda jiżguraw li l-konsumaturi ma jkollhomx bżonn aktar charger u cable ġodda kull darba li jixtru apparat ġdid, u jistgħu jużaw charger wieħed għal tagħmir elettroniku żgħir u medju. Telefowns ċellulari, tablets, kameras diġitali, headphones u headsets, consoles tal-logħob tal-kompjuter li jinżammu fl-idejn u ikollhom jiġu mgħammra b’port USB Type-C, irrispettivament mill-manifattur. L-eżenzjonijiet japplikaw biss għal tagħmir li hu żgħir wisq biex ikollu port USB Type-C, bħal arloġġi intelliġenti, trackers tas-saħħa, u xi tagħmir sportiv. Din ir-reviżjoni hija parti minn sforz usa’ tal-UE biex tiġi indirizzata s-sostenibbiltà tal-prodotti, b’mod partikolari tal-elettronika fis-suq tal-UE, u biex jitnaqqas l-iskart elettroniku.
Informazzjoni ċara dwar l-iċċarġjar
Il-MPE jridu wkoll jaraw informazzjoni ċara u tikkettjar fuq apparat ġdid dwar l-għażliet tal-iċċarġjar, kif ukoll jekk prodott jinkludix charger. Dan, jgħin biex tiġi evitata l-konfużjoni u jitħaffu d-deċiżjonijiet tax-xiri għall-konsumaturi li ħafna drabi għandhom diversi apparati differenti u mhux dejjem jeħtieġu chargers addizzjonali.
Bl-użu dejjem jikber tal-iċċarġjar mingħajr fili, il-MPE jridu li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta strateġija sal-aħħar tal-2026 li tippermetti interoperabbiltà minima ta’ kwalunkwe soluzzjoni ġdida għall-iċċarġjar. L-għan huwa li tiġi evitata frammentazzjoni ġdida fis-suq, li tkompli tnaqqas l-iskart ambjentali, tiġi żgurata l-konvenjenza tal-konsumatur u jiġu evitati l-hekk imsejħa effetti ta’ “lock-in” maħluqa minn soluzzjonijiet ta’ ċċarġjar proprjetarji.
Ir-rapporteur Alex Agius Saliba (MT, S&D) qal: “B’nofs biljun charger għal apparat portabbli mibgħuta fl-Ewropa kull sena, li jiġġeneraw 11,000 sa 13,000 tunnellata ta’ skart elettroniku, charger wieħed għat-telefowns ċellulari u apparat elettroniku żgħir u medju ieħor ikun jaqbel lil kulħadd. Se jgħin lill-ambjent, jgħin aktar fl-użu mill-ġdid ta’ tagħmir antik, jiffranka l-flus, u jnaqqas l-ispejjeż u l-inkonvenjenzi mhux meħtieġa kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi. Qed nipproponu intervent ta’ politika tassew komprensiv, li nibnu fuq il-proposta tal-Kummissjoni billi nappellaw għall-interoperabbiltà tat-teknoloġiji tal-iċċarġjar bla fili sal-2026 u ntejbu l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi b’tikketti apposti. Qed nespandu wkoll l-ambitu tal-proposta billi nżidu aktar prodotti, bħal laptops, li jkunu jeħtieġu jikkonformaw mar-regoli l-ġodda.”
Il-passi li jmiss
Ladarba l-Parlament kollu jkun approva dan l-abbozz ta’ pożizzjoni ta’ negozjar fis-sessjoni plenarja ta’ Mejju, il-MPE se jkunu lesti li jibdew taħditiet mal-gvernijiet tal-UE dwar l-għamla finali tal-leġiżlazzjoni.
Sfond
Il-Parlament u l-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu ilhom jitolbu għal soluzzjoni ta’ charger komuni matul l-aħħar 10 snin, u kontinwament talbu lill-Kummissjoni biex taġixxi. Il-proposta leġiżlattiva tressqet fit-23 ta’ Settembru 2021. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu fis-26 ta’ Jannar.