Bżonn ta’ azzjoni deċiżiva mill-EU fuq iI-platform economy
L-Unjoni Ewropea għandha tieħu rwol proattiv u tkun hi l-ixprun biex tirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-hekk imsejħa platform economy – niċċa ġdida ekonomika li tinkludi servizzi ta’ tqassim ta’ ikel permezz ta’ applikazzjonijiet tal-mowbajl. Il-UHM Voice of the Workers qed tagħmel dan l-appell bl-iskop li jkunu indirizzati forom ġodda ta’ impjieg f’dan is-settur li jistgħu jagħtu lok għal abbuż.
“Kull settur mhux ibbażat fuq mudelli stabbiliti li fihom il-ħaddiema jaħdmu għal rashom b’kontroll sħiħ tan-negozju tagħhom jew huma impjegati li jgawdu l-benefiċċji u l-protezzjoni kollha skont mil-liġi, fosthom sick leave u rati minimi ta’ ħlas fis-siegħa, iqajjem tħassib, ” irrimarka l-kap eżekuttiv tal-UHM Josef Vella.
Dan is-settur ekonomiku ħa spinta bil-pandemija Covid-19 li ġabet restrizzjonijiet fuq avvenimenti tal-massa. Iffaċċjati minn din ir-realtà l-ġdida stabbilimenti tal-ikel u ristoranti kellhom jivvintaw mill-ġdid il-mudell tan-negozju tagħhom biex isalvaw il-futur tagħhom. Dan wassal għall-introduzzjoni ta’ home delivery services permezz ta’ applikazzjonijiet tal-mowbajl (platforms) li jitħaddmu minn terzi.
Dan il-kunċett innovattiv ta ftit tan-nifs lil dan is-settur u fl-istess ħin offra ċertu livell ta’ flessibbiltà lil dawk li jaħdmu f’dan id-delivery service. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni legali ta’ dawn l-impjegati li jaħdmu bħala self-employed, jużaw it-trasport tagħhom stess, waqt li jirċievu ordnijiet permezz ta’ din il-platform mħaddma minn partijiet terzi ħolqot ċertu kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tagħhom. Dawn jinkludu r-rati minimi ta’ ħlas fis-siegħa, benefiċċji tal-mard kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
“Għaxar snin ilu kienet feġġet il-problema tal-prekarjat fosthom il-cleaners u s-security officers li bdew jiġu offruti kundizzjonijiet inferjuri minn dawk minimi stabbiliti bil-liġi, permezz ta’ subcontracting. Jidher li l-istorja tista’ tkun qed tirrepeti ruħha bil-platform economy,” wissa Vella.
“Il-UHM m’għandha l-ebda problema bl-użu tat-teknoloġija biex jingħata servizz aħjar, ikun hemm aktar flessibbiltà lill-ħaddiema, u jinħolqu sorsi ġodda ta’ dħul finanzjarju għall-kumpaniji, sakemm dan isir f’konformità mal-parametri stabbiliti mil-liġijiet dwar ix-xogħol,” żied jgħid.
F’dan ir-rigward, il-kap eżekuttiv tal-UHM sejjaħ għal sforz fuq livell Ewropew minħabba li l-kwistjoni qed tfeġġ fl-istati membri kollha.
“Jeħtieġ li jkun hemm rispons koordinat minn Brussell qabel ma jkun tard wisq, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-ekonomija tal-pjattaforma kibret f’daqqa minħabba l-pandemija,” irrimarka l-kap eżekuttiv tal-UHM.
Ix-xahar li għadda l-gvern esprima t-tħassib tiegħu waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE taħt il-Presidenza Ġermaniża. Il-UHM enfasizzat mal-Ministru Carmelo Abela fuq li bżonn ta’ leġislazzjoni madwar l-UE kollha biex dawn il-kwistjonijiet ikunu indirizzati b’ċertu uniformità u mhux b’mod sporadiku, kumment li ġie irrimarkat mill-Ministru Abela f’istess laqgħa tal-Kunsill.
Din in-niċċa ekonomika toħloq kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet għas-soċjetà, għas-suq tax-xogħol u għal min iħaddem u għalhekk hu importanti li tittieħed azzjoni bis-serjetà minnufih.