Bomba tal-ħin
Il-kwistjoni tal-iskart saret waħda mill-akbar sfidi f’Malta sew dak li jkun ġenerat mid-djar u sew dak mill-industrija tal-kostruzzjoni. Filwaqt li din hija kwistjoni globali, id-densità tal-popolazzjoni f’Malta, iċ-ċokon ta’ pajjiżna u n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul dawwru din il-problema serja f’bomba tal-ħin.
Skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2019 il-ġenerazzjoni ta’ skart domestiku żdiedet b’7.3 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel għal total ta’ 349,576 tunnellata. Minkejja l-fatt li l-2019 kienet l-ewwel sena sħiħa li fiha daħal fis-seħħ l-obbligu tas-separazzjoni tal-iskart fid-djar, il-porzjon ta’ skart domestiku li ġie mormi fil-Maghtab – jiġifieri mhux riċiklat – żdied b’1.7% fuq l-2018 u tela’ għal 91.1% tat-total. Iż-żieda, għalkemm marġinali, hija daqqa ta’ ħarta għall-isforzi biex jitnaqqas l-iskart li jintrema fil-miżbla. Dan ifisser li fl-2019 320,631 tunnellata ta’ skart domestiku ntremew fil-Magħtab.
Jidher ċar li għad fadal ħafna xi jsir. Aspett li jqanqal tħassib serju hu l-infurzar. Sfortunatament, xi zoni tal-Gżejjer Maltin saru famużi famuż għan-nuqqas ta’ dixxiplina f’dan ir-rigward. Minkejja l-kampanja edukattiva li saret għad hemm parti sinifikanti tal-popolazzjoni li tiġi taqa’ u tqum. Dan il-ksur sfaċċat tal-liġi jvarja minn dawk li ma jagħtux kas l-iskedi tal-ġbir tal-iskart, min joħroġ il-borża ħażina, jew min ma jissepara xejn. Irridu ngħidu iżda li l-fatt li kull lokalità għandha ħinijiet u ġranet differenti tal-ġbir tal-iskart jista’ jkun qed joħloq konfużjoni peress li m’hemm l-ebda sens ta’ uniformità madwar il-pajjiż.
Meta l-iskema tas-separazzjoni tal-iskart domestiku kienet ġiet imnedija f’Ottubru 2018 kien hemm is-suġġeriment li jintużaw boroż tal-iskart li jkollhom barcode li tidentifika l-indirizz tar-residenza minn fejn tkun inħarġet il-borża. Dan kien jippermetti biex ikunu jista’ jiġi identifikat min ikun wettaq xi reat, kemm jekk ikunu residenti Maltin u anki barranin. Fil-każ tat-turisti, min jikrilhom kien ikollu l-għażla li jżommilhom xi flus bħala garanzija f’każ li tinħareġ multa wara li dawn iħallu Malta. Għal xi raġuni, il-gvern kien warrab dan is-suġġeriment. Iżda issa li għaddew kważi sentejn, l-evidenza qed turi li din id-deċiżjoni kienet żball minħabba li f’xi lokalitajiet hemm problema serja ta’ nuqqas ta’ infurzar. Kif inhuma l-affarijiet illum, l-uniku ċans hu li taqbad lil dak li jkun fil-fatt. Dan qed iwassal biex boroż tal-iskart jitħallew ġranet sħaħ fit-toroq, b’detriment għas-saħħa pubblika filwaqt li qed jagħtu dehra xejn sabiħa liz-zoni affettwati.
Aspett ieħor tal-infurzar li dwaru hemm ħafna xi tgħid hu dak f’postijiet pubbliċi, waqt avvenimenti tal-massa u f’zoni popolari għall-ikkampjar jew f’bajja popolari fejn kemm komunitajiet jgħixu f’boathouses. Għal xi raġuni f’dawn il-postijiet, mhux jittieħdu l-passi biex ikun assigurat li ssir is-separazzjoni tal-iskart domestiku. Minflok, għad hemm sitwazzjoni fejn kulħadd jarmi skart imħallat fl-iskips.
Sadattant, ċertu deċiżjonijiet bħall-posponiment b’aktar minn sena tal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb ma għenux lanqas. Taħt din l-iskema, fliexken tal-plastik vojta jistgħu jintremew f’makni speċjali u min jiddisponi minnhom jingħata 10ċ għal kull flixkun. Għalkemm kienu mwiegħda 350 makna s’issa ma seħħ xejn minn dan minħabba li l-iskema ġiet posposta. Sadanittant, li-kontenituri tal-plastik qed ikomplu jakkumulaw fl-ambjent tagħna.
L-immaniġġjar tal-iskart huwa bomba tal-ħin li se tisplodi f’wiċċna. Is-sitwazzjoni teħtieġ bidla fl-istrateġija u titjib bl-infurzar. Inutli li jkunu investiti l-miljuni f’tagħmir u impjanti ġodda jekk il-poplu mhux se jagħmel il-parti tiegħu. Jekk mhux se jsir dan, il-gvern ikun qiegħed biss jidħak bih innifsu u b’eluf ta’ residenti li qed jagħmlu għandhom l-ambjent għal qalbhom u qed jisseparaw l-iskart domestiku tagħhom. Sadattant, ma’ kull minuta li qed tgħaddi il-Magħtab qed ikompli jogħla.