Att dwar il-Libertà tal-Midja: Protezzjoni biex ma jkunx hemm indħil politiku f’deċiżjonijiet editorjali
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni emenda l-abbozz ta’ liġi biex jiżgura li japplika għall-kontenut kollu tal-midja u jsaħħaħ it-trasparenza u l-indipendenza tal-midja tal-UE. Fl-abbozz tal-pożizzjoni tagħhom dwar l-Att dwar il-Libertà tal-Midja Ewropea, li kien approvat b’24 vot favur, 3 kontra u 4 astensjonijiet, il-MPE jridu jiżguraw li r-regoli l-ġodda jobbligaw lill-istati membri biex jiżguraw il-pluralità u jipproteġu l-indipendenza tal-midja minn indħil governattiv, politiku, ekonomiku jew privat.
Huma emendaw l-abbozz ta’ liġi sabiex ir-rekwiżiti ta’ trasparenza japplikaw għall-kontenut kollu tal-midja, mhux biss għall-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti kif kien propost mill-Kummissjoni.
Il-ħarsien tax-xogħol tal-ġurnalisti
Fit-test adottat, il-kumitat jipprojbixxi kull forma ta’ indħil u pressjoni fuq il-midja, inkluż li jisforza lill-ġurnalisti jiżvelaw is-sorsi tagħhom, jaċċessaw kontenut kriptat fuq it-tagħmir tagħhom u jużaw spyware kontrihom.
Biex jipproteġu l-midja b’mod aktar robust, il-MPE stabbilixxew ukoll li l-użu ta’ spyware jista’ jkun iġġustifikat biss fuq bażi ta’ każ b’każ u jekk ikun ordnat minn awtorità ġudizzjarja indipendenti biex tinvestiga reat serju, bħat-terroriżmu jew it-traffikar tal-bnedmin.
Il-MPE jipproponu wkoll li r-reklamar pubbliku allokat għal fornitur wieħed tal-midja, pjattaforma online jew magna tat-tiftix ikun limitat sa 15% tal-baġit totali għar-reklamar allokat minn dik l-awtorità f’pajjiż partikolari tal-UE.
Obbligi ta’ trasparenza fuq is-sidien
Biex tiġi vvalutata l-indipendenza tal-midja, il-MPE jridu jobbligaw lill-media outlets jippubblikaw informazzjoni dwar min hu s-sid tagħhom u min jibbenefika minnha, direttament jew indirettament. Iridu wkoll li jirrappurtaw dwar ir-reklamar li jsir mill-Gvern, u l-appoġġ finanzjarju mill-Gvern, inkluż meta jirċievu fondi pubbliċi minn pajjiżi mhux tal-UE.
Il-MPE jridu wkoll jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi tal-midja biex jirrappurtaw dwar kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali u dwar kull attentat ta’ indħil f’deċiżjonijiet editorjali.
Dispożizzjonijiet kontra deċiżjonijiet arbitrarji minn pjattaformi kbar
Biex jiġi żgurat li l-midja tal-UE tkun protetta minn pjattaformi online kbar ħafna li arbitrarjament iħassru jew jirrestrinġu l-kontenut tagħhom, il-MPE introduċew proċedura ta’ awto-dikjarazzjoni u verifika biex tgħin tiddistingwi midja indipendenti minn dawk qarrieqa. Huma jipproponu wkoll żmien ta’ negozjar ta’ 24 siegħa, bl-involviment tar-regolaturi nazzjonali, qabel ma pjattaforma online kbira tkun tista’ tipproċedi bis-sospensjoni jew ir-restrizzjoni tal-kontenut.
Vijabilità ekonomika
L-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw il-midja tas-servizz pubbliku permezz ta’ baġits multi-annwali biex jipprevjenu l-indħil politiku u jiżguraw stabbiltà finanzjarja. Il-MPE emendaw ukoll ir-regoli dwar is-sistemi tal-kejl tal-udjenza biex jagħmluhom aktar ġusti u trasparenti.
Korp tal-midja tal-UE aktar indipendenti
Il-MPE jridu li l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Midja (il-Bord) – korp ġdid tal-UE li għandu jitwaqqaf bl-att – ikun legalment u funzjonalment indipendenti mill-Kummissjoni u kapaċi jaġixxi waħdu, mhux biss fuq talba tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, iridu “grupp ta’ esperti” indipendenti, li jirrappreżenta l-fehmiet tas-settur tal-midja u li jinkludi s-soċjetà ċivili, biex jiddaħħal fix-xogħol tal-Bord.
Il-passi li jmiss
It-test adottat jeħtieġ li jiġi kkonfermat mill-Parlament sħiħ, b’votazzjoni skedata matul il-plenarja tat-2-5 ta’ Ottubru, qabel mal-MPE jkunu jistgħu jibdew diskussjonijiet mal-Kunsill dwar l-għamla finali tal-liġi.