Approvat il-Patt Ġdid tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil
Il-Parlament Ewropew adotta għaxar testi leġiżlattivi biex jirriforma l-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-ażil, kif miftiehem mal-Istati Membri tal-UE f’Diċembru.
Solidarjetà u responsabbiltà
Sabiex jassistu lill-pajjiżi tal-UE soġġetti għall-pressjoni migratorja, Stati Membri oħra se jkollhom jikkontrobwixxu billi jirrilokaw l-applikanti għall-ażil jew il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħhom, l-għoti ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji jew l-għoti ta’ appoġġ operazzjonali u tekniku. Il-kriterji li skonthom Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (l-hekk imsejħa regoli ta’ Dublin) se jiġu aġġornati wkoll.
Ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, immexxi mir-rapporteur Tomas TOBÉ (SE, PPE), ġie appoġġjat minn 322 vot favur, 266 kontra u 31 astensjoni. Aqra aktar dwar dan.
Nindirizzaw is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi
Ir-Regolament dwar Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi u ta’ Force Majeure jistabbilixxi mekkaniżmu li jwieġeb għal żidiet f’daqqa fil-wasliet, filwaqt li jiżgura s-solidarjetà u l-appoġġ għall-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw influss eċċezzjonali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Ir-regoli l-ġodda se jkopru wkoll l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, jiġifieri meta l-migranti jintużaw minn pajjiżi terzi jew atturi mhux statali ostili biex jiddestabbilizzaw lill-UE.
L-abbozz ta’ liġi, immexxi mir-rapporteur Juan Fernando LÓPEZ AGUILAR (ES, S&D), ġie kkonfermat b’301 vot favur, 272 kontra u 46 astensjoni. Sib aktar informazzjoni fuq ir-Regolament dwar is-Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi hawnhekk.
Skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri tal-UE
Persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-UE se jkunu soġġetti għal proċedura ta’ skrinjar ta’ qabel id-dħul. Din tinkludi l-identifikazzjoni, il-ġbir ta’ data bijometrika, u l-kontrolli tas-saħħa u tas-sigurtà, matul perjodu ta’ mhux aktar minn sebat ijiem. L-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ monitoraġġ indipendenti biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.
It-test, immexxi mir-rapporteur Birgit SIPPEL (DE, S&D), ġie approvat b’366 vot favur, 229 kontra u 26 astensjoni. Il-Membri tal-PE approvaw ukoll regoli ġodda għas-sistema ċentralizzata għall-informazzjoni dwar il-kundanni (ECRIS-TCN), b’414 vot favur, 182 kontra u 29 astensjoni. Aktar dettalji fuq ir-Regolament il-ġdid dwar l-Iskrinjar huma disponibbli hawnhekk.
Proċeduri tal-ażil aktar rapidi
Se tiġi stabbilita proċedura komuni ġdida madwar l-UE biex tingħata u tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali. L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-fruntieri tal-UE fil-futur se jkollu jkun aktar mgħaġġel, bi skadenzi iqsar għal applikazzjonijiet bla bażi jew inammissibbli.
L-abbozz ta’ liġi, immexxi mir-rapporteur Fabienne KELLER (Franza, Renew), ġie adottat b’301 vot favur, 269 kontra u 51 astensjoni. Għall-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera, ir-riżultat kien ta’ 329 vot favur, 253 kontra u 40 astensjoni. Aqra aktar fuq ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil.
Ir-Regolament Eurodac
Id-data ta’ dawk li jaslu b’mod irregolari fl-UE, inklużi l-marki tas-swaba’ u l-immaġni tal-wiċċ mill-età ta’ sitt snin ’il fuq, se tinħażen fil-bażi tad-data riformata tal-Eurodac. Barra minn hekk, l-awtoritajiet se jkunu jistgħu joħolqu rekord dwar jekk xi ħadd jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà jew jekk xi ħadd kien vjolenti jew armat.
Immexxi mir-rapporteur Jorge BUXADÉ VILLALBA (ES, ECR), it-test ġie adottat b’404 vot favur, 202 kontra u 16-il astensjoni. Aktar dettalji dwar ir-regoli l-ġodda tal-Eurodac huma disponibbli hawnhekk.
Standards għall-kwalifika
Il-Parlament appoġġja wkoll standards uniformi ġodda għall-Istati Membri kollha għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, u fir-rigward tad-drittijiet mogħtija lil dawk li jikkwalifikaw għall-protezzjoni. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini abbażi ta’ informazzjoni mill-Aġenzija tal-UE għall-Ażil u l-istatus ta’ refuġjat jiġi rieżaminat fuq bażi regolari. L-applikanti għall-protezzjoni se jkollhom jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom jew li fih tkun ingħatat il-protezzjoni.
Immexxi mir-rapporteur Matjaž NEMEC (SL, S&D), it-test ġie approvat b’340 vot favur, 249 kontra u 34 astensjoni. Aqra aktar fuq ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika.
L-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil
L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw standards ta’ akkoljenza ekwivalenti għal dawk li jfittxu l-ażil fir-rigward, pereżempju, tal-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. L-applikanti għall-ażil irreġistrati se jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jressqu t-talba. Il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u r-restrizzjoni tal-libertà tal-moviment se jiġu rregolati, biex l-applikanti jiġu skoraġġuti milli jiċċaqilqu madwar l-UE.
Immexxi mir-rapporteur Sophia IN ‘T VELD (NL, Renew), l-att ġie approvat b’398 vot favur, 162 kontra u 60 astensjoni. Aqra aktar fuq id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza hawnhekk.
Wasla sikura u legali fl-Ewropa
Taħt qafas ġdid dwar ir-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja, l-Istati Membri se joffru, fuq bażi volontarja, li jospitaw refuġjati rikonoxxuti min-NU minn pajjiżi terzi, li jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-UE b’mod legali, organizzat u sikur. Immexxi mir-rapporteur Malin BJÖRK (SE, ix-Xellug), l-abbozz ta’ liġi ġie adottat b’452 vot favur, 152 kontra u 14-il astensjoni. Aqra aktar dwar il-qafas ta’ risistemazzjoni tal-UE hawnhekk.
Il-passi li jmiss
Ladarba l-pakkett jiġi approvat formalment mill-Kunsill, il-liġijiet jidħlu fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Ir-regolamenti għandhom jibdew japplikaw f’sentejn. Għad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, l-Istati Membri se jkollhom sentejn biex jintroduċu l-bidliet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.