Il-mewt tal-eks President tal-UHM Gaetano Tanti, ta’ 66 sena, ħalliet vojt kbir kemm fil-livell tat-trejdjunjins kif ukoll fil-kuntest usa’ tar-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali. Il-kummenti u r-reazzjonijiet li segwew huma xhieda ta’ din it-telfa.

“Kien kisu t-tieni missier,” irrimarka l-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella fl-ewwel reazzjoni tiegħu. “Tlifna missier fit-trejdunjoniżmu. Tgħallimna  ħafna mingħandu, u jgawdi rispetti kbir. Kien dixxiplinat ħafna. Kien ilesti lista ta’ dmirijiet li jridu jsiru matul il-ġurnata biex ikun żgur li kollox isir f’waqtu. Konna xxurtjati ħafna li kellna lilu bħala mexxej. Ilni naf lilu mis-snin 90 meta kont għadni shop steward, u wara ħdimt miegħu mill-qribmill-2006 qlibt full-time mal-union,” qal Vella.

Gejtu (kif kien magħruf) serva bħala president tal-unjin għal 13-il sena iżda ma kienx sempliċiment mexxej. Kien għalliem, ħabib, u simbolu ta’ tama għall-ħaddiema kullimkien. Il-ħila tiegħu li jmexxi negozjati kumplessi u li jippromwovi d-drittijiet tal-ħaddiema, kienet xi ħaġa unika. Kellu talent biex isib soluzzjoni, anke fl-aktar sitwazzjoni delikata u kien inissel ċertu għaqda. L-attenzjoni tiegħu għad-dettall, l-ippjanar u l-implimentazzjoni kienu kwalitajiet li fih kienu jispikkaw tant li xi minn daqqiet kien qisu teknokratiku.

Kliem ta’ tifħir ukoll wasal minn Gejtu Vella li ħadem flimkien miegħu bħala Segretarju Ġenerali. Kien il-perjodu meta l-UHM immexxija mit-tandem tal-‘Ġejtijiet’, meta ġġieldet bis-saħħa favur sħubija fl-UE wara li kienet iffaċċjat theddida kbira eżistenzjali minħabba l-kawża l-Qorti dwar il-Port Ħieles.

Il-General Workers’ Union,  li f’ċertu sens hi l-union ‘rivali’ tal-UHM ukoll sellmet lil Gejtu Tanti. Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja ddeskrivieh bħala l-“idolu” tiegħu fil-qasam tat-trejdjunjins.

“Kien ġentlom, dħuli u bniedem li jisma’. Kien ġgant fit-trejdunjoniżmu, u għandi biss kliem ta’ tifħir għalih,” irrimarka Bugeja.

Tanti kien attiv ukoll fil-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin, li l-UHM hija membru tagħha. Il-President tas-CMTU William Portelli ddeskriva lil Tanti bħala persuna leali, persważiva u sensittiva. Madankollu, dan ma kien inaqqas xejn mid-determinazzjoni biex jilħaq il-miri tiegħu.

It-telfa tal-ex President tal-UHM inħasset ukoll fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru tar-relazzjonijiet industrijali. Id-direttur ġenerali tal-Malta Employers Association Joe Farrugia qal li din kienet telfa tremenda għas-soċjetà tagħna.

“Kien kapaċi jġib argumenti sod, iżda dejjem kien ġust u oġġettiv, u kiseb ir-rispett tal-imsieħba soċjali kollha fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u l-Bord tar-Relazzjonijiet tal-Impjiegi.”

Fuq livell politiku il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sellem ukoll lil Tanti, u iddeskrivih bħala “id-definizzjoni ta’ trejdunjonista li ħaddan lill-ħaddiem Malti u ħadem b’viżjoni Ewropea”.

Waqt li nirriflettu fuq il-ħajja u l-kontributi ta’ Gejtu Tanti niftakru mhux biss f’mexxej ta’ trejdjunjin imma f’xi ħadd li kien igawdu rispetti kbir mil-poplu. Il-legat tiegħu fit-trejdunjoniżmu, id-djalogu soċjali u r-relazzjonijiet industrijali hu bla qies.

Voice of the Workers Weekly testendi l-kondoljanzi tagħha lill-familja tiegħu f’dan iż-żmien diffiċli. Jalla l-wirt tiegħu jibqa’ jgħix fil-qlub ta’ dawk kollha li ħadmu miegħu fil-karriera tiegħu u l-ispirtu tiegħu jibqa’ dejjem ħaj.