il-Parlament adotta żewġ riżoluzzjonijiet dwar il-kwistjoni tat-trasparenza u l-integrità fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.


Meħtieġa riformi b’saħħithom u immedjati

B’segwitu għall-miżuri mitluba mill-Parlament f’Diċembru 2022 u filwaqt li jilqgħu d-deċiżjoni reċenti mill-President tal-Parlament u l-mexxejja tal-gruppi politiċi bħala l-ewwel pass meħtieġ, il-MPE jtennu li se juru “tolleranza żero għall-korruzzjoni fi kwalunkwe forma u fi kwalunkwe livell” u jinsistu li l-Parlament għandu juri “unità ċara u determinazzjoni bla rażan” f’dan ir-rigward. Huma jelenkaw oqsma fejn huwa meħtieġ aktar titjib, fosthom:

  • implimentazzjoni aħjar tal-Kodiċi ta’ Kondotta, inklużi sanzjonijiet finanzjarji f’każ ta’ ksur, u l-introduzzjoni ta’ attivitajiet aktar sanzjonabbli u projbizzjoni ta’ kwalunkwe attività mħallsa li tista’ toħloq kunflitt ta’ interess mal-mandat ta’ MPE;
  • proċess ta’ approvazzjoni ta’ vjaġġi mħallsa minn pajjiżi terzi u stħarriġ addizzjonali għall-assistenti tal-MPE u l-persunal tal-PE li jaħdmu f’oqsma ta’ politika sensittivi, b’mod partikolari fl-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża;
  • il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri għandu jiġi riformat biex jimla għall-Korp tal-Etika indipendenti tal-UE sakemm dan ikun fis-seħħ;
  • dikjarazzjonijiet tal-assi mill-MPE fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull mandat;
  • riżorsi adegwati għar-Reġistru ta’ Trasparenza u obbligu għall-MPE, il-persunal tagħhom u l-impjegati tal-Parlament biex jiddikjaraw laqgħat ma’ diplomatiċi minn pajjiżi terzi fejn dawn il-laqgħat ikollhom “rwol attiv u influwenza ċara u immedjata” fil-ħidma tal-PE, ħlief fejn dan jista’ jpoġġi lil dawk involuti jew il-pubbliku fil-periklu;
  • ir-regoli interni għandhom jiġu allinjati mad-Direttiva dwar l-Informaturi; u
  • il-miżuri meħuda fir-rigward tar-rappreżentanti tal-Qatar għandhom jiġu estiżi għal dawk tal-Marokk.

Kontroll strett tal-finanzjament tal-NGOs

Il-Parlament jinnota li NGOs allegatament intużaw bħala vetturi ta’ interferenza barranija, u jħeġġeġ reviżjoni tar-regolamenti eżistenti biex tissaħħaħ it-trasparenza dwar il-governanza, il-baġit, l-influwenza barranija u l-persuni ta’ kontroll sinifikanti tagħhom. Huwa jissottolinja li l-NGOs li jirċievu flus minn partijiet li m’għandhomx għalfejn jiffirmaw fir-Reġistru tat-Trasparenza (eż. pajjiżi terzi) jeħtieġ ukoll li jiżvelaw is-sorsi tal-finanzjament tagħhom, u jitlob li jekk din l-informazzjoni ma tiġix żvelata, m’għandhomx jirċievu flus pubbliku tal-UE. Il-PE jappella wkoll għal pre-screening finanzjarju komprensiv qabel ma NGO jiġi elenkat fir-reġistru tat-trasparenza tal-UE, biex kwalunkwe ftehim kuntrattwali mal-Kummissjoni jiġi ppubblikat, u definizzjoni ċara ta’ liema NGOs huma permessi jirreġistraw u huma eliġibbli biex jirċievu finanzjament tal-UE. Madankollu, ir-riżoluzzjoni tiddeplora wkoll l-użu tal-iskandlu ta’ korruzzjoni “biex titnieda kampanja żbaljata ta’ tgħajjir” kontra l-NGOs u jixxerred misinformazzjoni dwar in-nuqqas ta’ trasparenza tal-finanzjament tagħhom, filwaqt li ttenni l-appoġġ bla waqfien tal-PE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jitkellmu favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent b’rispett sħiħ tar-regoli.

Il-MPE jridu wkoll li l-kumitat ING2 u korpi responsabbli oħra jirrevedu r-regoli tal-etika tal-Parlament qabel is-sajf. Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’401 vot favur, 3 kontra u 133 astensjoni.

L-ebda dewmien għall-korp tal-etika indipendenti

Il-Parlament itenni t-talba tiegħu għal korp tal-etika indipendenti għall-istituzzjonijiet tal-UE, ibbażat fuq il-proposti tal-MPE ta’ Settembru 2021, biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha titressaq sa Marzu, u n-negozjati għandhom jiġu konklużi sat-tmiem tal-vaganzi tas-sajf, jgħidu l-MPE. Dan il-korp għandu jiddistingwi b’mod ċar bejn l-azzjonijiet kriminali, il-ksur tar-regoli istituzzjonali u l-imġiba mhux etika. Huwa jkollu rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-informaturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, filwaqt li jaħdem b’mod komplementari ma’ korpi oħra tal-UE bħall-Uffiċċju Kontra l-Frodi (OLAF), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (UPPE), l-Ombudsman u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 388 vot favur, 72 kontra u 76 astensjoni.