Is-sewwieqa li jgħaddu minn dik li snin ilu kienet imlaqqma bħala ‘l-isbaħ triq’ f’Malta’ jinsabu f’riskju akbar li ċitazzjoni għal sewqan b’veloċità eċċessiva, hekk kif kważi terz ta’ dawn il-kontravenzjonijiet jinħarġu f’din it-triq popolari.

Jirriżulta li fl-2022, inħarġu 15,093 ċitazzjoni f’din it-triq arterjali magħrufa bħala Triq il-Kosta, Dan l-ammont jirrappreżenta 30% tal-multi kollha bl-ispeed cameras li nħarġu f’dawn it-12-il xahar.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri poġġa din l-istatistika fil-parlament fi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista David Agius. Skont ir-regolamenti tat-traffiku f’Malta, min jinqabad isuq sa 15km/siegħa ‘l fuq mil-limitu jeħel multa ta’ €34.94, filwaqt li f’każ fejn il-veloċità tkun ogħla, il-multa titla’ għal €69.88.

B’kollox fl-2022, inħarġu 50,743 ċitazzjoni bl-ispeed cameras li hu kemmxejn ogħla mit-total rispettiv ta’ sentejn qabel li kien ta’ 43,269. Dawn il-cameras huma installati bħala deterrent kontra sewqan eċċessiv, partikularment f’dawk magħrufa bħala aċċident blackspots. Fil-fatt, l-erba’ speed cameras installati tul it-Triq il-Kosta saru fuq rakkomandazzjoni ta’ inkjesta maġisterjali dwar sensiela ta’ inċidenti fatali, li kienu kollha kkawżati minn veloċità eċċessiva. Inawgurata seba’ snin ilu bħala parti minn proġett li jinkludi ż-żieda ta’ karreġġjata ġdida fiż-żewġ direzzjonijiet, it-triq kienet ġiet imsejħa mill-aġenzija Infrastructure Malta bħala ‘l-isbaħ’ fil-gżira. Madankollu, kien biss is-sena li għaddiet, speċifikament f’April li l-erba’ speed cameras kienu installati kollha.

Analiżi ulterjuri tal-istatistika turi li iktar ma jkun baxx il-limitu tal-veloċità, iktar ikun għoli n-numru ta’ ċitazzjonijiet maħruġa. Dan jispjega għaliex il-camera fi Triq in-Nutar Zarb f’Ħ’Attard fejn il-limitu tal-veloċità huwa ta’ 50km/siegħa ikklassifikat fl-ewwel post għan-numru ta’ ċitazzjonijiet maħruġa, b’10,771 kontravvenzjoni fl-2022.

Madankollu, numru relattivament għoli ta’ ċitazzjonijiet inħarġu minn camera li tinsab faċċata tal-miżbla tal-Magħtab, fi Triq il-Kosta fid-direzzjoni lejn Baħar iċ-Ċagħaq f’zona fejn il-limitu tal-veloċità hu ta’ 60km/siegħa. Għalkemm din bdiet taħdem f’Mejju 2022, inħarġu 6,171 ċitazzjoni sal-aħħar tas-sena, li huwa aktar mit-total annwali tal-kameras fil-mini tat-Triq Reġjonali f’San Ġiljan.

L-ebda ċitazzjoni sa Mejju fil-Bypass ta’ San Pawl

Minn din l-istatistika ħarġet xejra pjuttost stramba hekk kif fl-ewwel ħames xhur tal-2022, ma nħarġitx ċitazzjoni waħda mill-cameras fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar. Dan huwa aktar stramb fl-isfond tal-ilmenti mir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar dwar l-istorbju kkaġunat mill-vetturi jinstaqu b’veloċità qawwija fis-sigħat bikrin tal-Ħadd. Dwar dan ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni. F’Mejju 2020 kienu inħarġu xejn inqas minn 154 multa mill-pulizija fi tmiem il-ġimgħa wieħed, għal reati ta’ veloċità fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar, il-Bypass tal-Mellieħa u Triq il-Kosta.

Għalkemm fl-aħħar xahrejn tal-2022, inħarġu biss żewġ multi mill-ispeed cameras fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar, dan jista’ jiġi attribwit għall-fatt li parti minn din it-triq kienet magħluqa għat-traffiku minħabba xi xogħlijiet.