Aktar minn 1,000 mewta kaġun tal-kanċer kull sena
Ta’ kull sena f’Malta qed imutu aktar minn 1,000 persuna filwaqt li dawk li qed ikunu djanjostikati b’din il-marda huma madwar 2,500.
Statistika li tpoġġiet dan l-aħħar fil-parlament mill-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello turi li mill-2007 kemm l-imwiet kif ukoll in-numru ta’ każi żdiedu gradwalment iżda b’mod kostanti. Filwaqt li fl-2007 kien hemm 1,525 persuna djanjostikati bil-kanċer f’sena sħiħa sal-2019 dan in-numru kien tela’ għal 2,618, bi tnaqqis żgħir fis-sena ta’ wara fejn it-total kien ta’ 2,382. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux każijiet li jinvolvu pazjenti taħt is-16-il sena. F’dan il-każ in-numru ta’ każijiet baqa’ baxx fil-livell ta’ madwar 15 fis-sena bin-numru ta’ mwiet ivajra bejn 1 u 5 fis-sena.
L-istatistika tkopri l-perjodu bejn l-2007 sal-2021, biċ-ċifri għall-2021 jiġu deskritti bħala mhux finali għax skont il-ministru dawn għadhom qed jiġu miġbura, kodifikati, verifikati u jsir follow-up tagħhom.
Madankollu, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-2022, in-numru ta’ każijiet ġodda f’Malta kien tela’ għall-ogħla livell ta’ 2,855 bin-numru rispettiv ta’ mwiet jitla’ għal 1,036. Fil-każ tal-irġiel l-aktar tipi komuni ta’ kanċer kienu tal-prostata (18.6%), tal-pulmun (10.7%), u tal-kolorektum (10.5%) b’tipi oħra jammontaw għal 48.8%. Min-naħa l-oħra, il-kanċer tas-sider kien l-aktar kanċer komuni li ġie dijanjostikat f’Malta fost in-nisa b’29.1%, segwit minn kolerektum 10.6% u corpus uteri (6.9%) filwaqt li forom oħra ta’ kanċer ammontaw għal 44.6%.
Minn perspettiva globali, fl-2022, kien hemm madwar 20 miljun każ ġdid ta’ kanċer u 9.7 miljun mewt. In-numru ta’ nies li kienu ħajjin fi żmien ħames snin wara dijanjosi tal-kanċer hu stmat li kien ta’ 53.5 miljun. Madwar 1 minn kull 5 persuni jiżviluppaw kanċer tul ħajjithom, madwar 1 minn kull 9 irġiel u 1 minn kull 12-il mara jmutu mill-marda.
Hu mbassar li fl-2050 se jkun hawn aktar minn 35 miljun każ ġdid ta’ kanċer – żieda ta’ 77% mill-20 miljun każ stmat fl-2022. Iż-żieda fil-każi tal-kanċer tirrifletti popolazzjoni li qed tiżdied u tixjieħ, kif ukoll ċertu riskji assoċjati mal-iżvilupp soċjo-ekonomiku. It-tabakk, l-alkoħol u l-obeżità huma fatturi ewlenin wara l-inċidenza dejjem tikber tal-kanċer, bit-tniġġis tal-arja għadu kaġun ewlieni tal-fatturi ta’ riskju ambjentali.