Aktar edukazzjoni dwar il-prevenzjoni mill-perikli fil-binjiet
“Jeħtieġ li jidħol fis-seħħ l-Att dwar il-Protezzjoni min-Nirien”. Dan jisħqu Gordon Bondin, konsulent dwar is-saħħa u s-sigurta’ f’intervista ma’ Voice of the Workers b’reazzjoni għall-inċident traġiku li ħasad il-ħajja ta’ raġel f’blokka ta’ appartamenti f’Marsaskala fil-jiem li għaddew.
Hu qal li wasal iż-żmien li jkollna din ir-regolamentazzjoni sabiex ikunu evitati inċidenti gravi bħal nirien fi blokok ta’ appartamenti u f’residenzi oħrajn. Fil-frattemp, kull min jibni jrid jimxi mal-Linji Gwida Disinjati għas-Sigurta’ min-Nirien fil-Binjiet f’Malta tal-2004.
Gordon Bondin jesiġi dwar l-importanza li jkun installat tagħmir sensittiv f’kull binja li malli jiżviluppa xi duħħan jiskatta allarm li jġiegħel lir-residenti biex jevakwaw ruħhom ‘il bogħod mill-periklu. Hu fisser li qabel ma l-apparat ikun installat għandha issir evalwazzjoni tar-riskju sabiex imbagħad ikun identifikat x’tip ta’ extinguisher għandu jiġi applikat.
“Jekk persuna tkun ix-xogħol jew imsiefra u jinqala’ xi ħaġa fid-dar tittieħed azzjoni b’mod awtomatiku”, spjega Gordon Bondin.
Hu jenfasizza li bħalma nonfqu flus fuq ħafna affarijiet għandna nagħmlu l-istess biex niggarantixxu s-saħħa u s-sigurta’ fi djarna. “Għandna ninvestu f’fire extinguisher, fire blanket, first aid box, fire allarm jew smoke detector għax dawn l-oġġetti huma bżonnjużi u essenzjali f’kull dar”, żied jgħid Gordon Bondin.
Il-konsulent dwar is-saħħa u s-sigurta’ saħaq li dawn l-apparat m’għandhomx jiġu kunsidrati bħala spejjeż imma bħala benefiċċju f’każ li jseħħ inċident.
Voice of the Workers staqsa jekk il-Malti hux konxju mill-periklu li hu mdawwar bihom f’ħajtu. Hu qal li matul dawn l-aħħar ftit snin ġie reġistrat progress f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurta’ personali tal-ħaddiem, il-kawtela fil-postijiet tax-xogħol, partikularment f’siti ta’ kostruzzjoni kif ukoll fil-prevenzjoni. Illum il-ħaddiema qed jibżgħu aktar għal saħħithom u għal ħajjithom; qed jimxu mar-regolamenti u jekk ma jkunux libsin l-ilbies protettiv ma jitħallewx jidħlu jaħdmu f’sit fejn il-prevalenza tal-periklu hija kbira.
Gordon Bondin irrefera għall-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ li tagħmel ħafna xogħol bir-reqqa, teduka u tinforza. Hemm diversi kumpaniji li jieħdu l-parir ta’ konsulenti sabiex isir assessment tal-postijiet minn fejn jaħdmu filwaqt li qed jimxu ma’ programmi ta’ taħriġ offrut lil min iħaddem u lill-ħaddiema.
Gordon Bondin ukoll għandu kliem ta’ tifħir għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn il-membri fi ħdanu huma mħarrġin professjonalment filwaqt li jipprovdi sessjonijiet ta’ taħriġ lil kumpaniji u individwi fis-saħħa u s-sigurta’ pubblika kif ukoll dik personali jew domestika.
“Jekk tistaqsini jekk inix kuntent, inwieġbek li mhux biżżejjed….jeħtieġ li nkomplu nedukaw u nfiehmu lil min iħaddem dwar il-bżonn li jkun hemm sistema sikura tax-xogħol”, sostna Gordon Bondin. Hu spjega li b’din is-sistema bilfors irid ikun hemm risk assessment mibnija fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ. Gordon Bondin qal li trid tkun sistema li tibqa’ iddur u tikkonsolida ruħha.
Fuq kollox, kompla Gordon Bondin, trid tkun enfasizzata l-importanza tal-prevenzjoni. “Trid li jkollok il-qalb biex tagħmel xi ħaġa, segwita bi pjan għal taħriġ u spezzjonijiet sabiex tikseb ir-riżultati”, qal il-konsulent dwar is-saħħa u s-sigurta’ filwaqt li temm li “bil-parteċipazzjoni u l-impenn ta’ min iħaddem u l-impjegati, ikunu evitati inċidenti bla bżonn”.