Aktar barranin milli Maltin fl-industrija tad-divertiment
Ħaddiema fl-industrija tad-divertiment, l-arti u r-rikreazzjoni probabbilment ikunu barranin hekk kif in-numru ta’ ħaddiema Maltin li f’dan is-settur naqas tant li issa huma minoranza. Jirriżulta li l-ħaddiema barrani f’dawn l-industriji jammontaw għal 58.6% li huwa bejn wieħed u ieħor tlieta minn kull ħamsa.
Din l-istatistika toħroġ mir-rapport annwali tal-Jobsplus tal-2021 li jagħti ħarsa ġenerali lejn is-suq tax-xogħol u lejn id-domanda dejjem tikber għall-ħaddiema barranin.
Filwaqt li fl-2017 il-ħaddiema barranin kienu jammontaw għal 19% mit-total tal-ħaddiema reġistrati li kienu 232,011, sa Settembru 2011 ħaddiema mhux Maltin kienu żdiedu għal 27.9% jew 76,258 minn 273,363 ħaddiem reġistrat. Din it-tendenza hija riflessa fil-fatt li matul dan il-perijodu is-suq tal-ħaddiema Maltin kiber bi 2.1% fis-sena, dawk mill-UE bi 3%, iżda fil-każ tal-ħaddiema barranin mhux mill-UE it-tkabbir kien ta’ 31.4%.
Skont l-istatistika tal-Jobsplus, il-ħaddiema mhux tal-UE jinsabu l-aktar f’servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ (li jinkludu xogħol klerikali u call centres) b’6,296 impjegat, segwiti mill-industrija tal-kostruzzjoni b’5,926 ħaddiem filwaqt li fs-servizzi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel hemm 5,502 ħaddiema.
Fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE, l-akbar numru jinsabu fl-industrija tal-arti u tad-divertiment b’5,970 ħaddiem, segwit minn dak professjonali, xjentifiku u tekniku (4,289) u s-servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel 4,045. L-amministrazzjoni pubblika għandha l-inqas numru ta’ ħaddiema barranin bi 2.7% biss.
Ir-rapport annwali jipprovdi wkoll informazzjoni interessanti dwar in-nazzjonalità tal-ħaddiema barranin li jaqilgħu l-għajxien tagħhom f’Malta. L-akbar numru ta’ ħaddiema barranin huma mill-Italja (10,038), segwiti mir-Renju Unit (4,642), il-Bulgarija (2,265), ir-Rumanija (2,160), l-Albanija (2,037), Spanja (1,542), Franza (1,529), il-Ġermanja (1,459), il-Polonja (1,387) u l-Ungerija (1,338). Fil-każ tal-ħaddiema mhux mill-UE, fl-ewwel post hemm il-Filippini (6,031), segwiti mill-Indja (5,817), is-Serbja (3,992), in-Nepal (2,481), u t-Turkija (1,497).
Għalkemm it-tkabbir ekonomiku qawwi reġistrat fl-aħħar għaxar snin huwa spiss attribwit għall-influss tal-ħaddiema barranin, ta’ dan kien hemm prezz. ld-dipendenza fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi speċjalment Asjatiċi qed iġġib magħha problema ta’ pagi baxxi, impjiegi prekarji u xi drabi abbuż. Filwaqt li min iħaddem jilmenta li m’hemmx biżżejjed ħaddiema għal ċertu xogħlijiet, min naħa l-oħra qed ikunu kritikati li qed jagħmlu dan apposta biex jiffrankaw l-ispejjeż. Dan kollu qed iħalli impatt negattiv fuq il-kumplament tas-suq tax-xogħol fost tħassib li dawn ħaddiema biż-żmien mhux se jibqgħu ‘kompetittivi’.