Il-MPE mistennija jadottaw liġijiet ġodda biex itejbu l-ħajja tal-Ewropej fil-ħarifa, inkluż  is-sigurtà tal-enerġija, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-intelliġenza artifiċjali.

L-Istat tal-Unjoni

Fit-tielet diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen se tiddeskrivi l-prijoritajiet u l-isfidi ewlenin tal-Kummissjoni għat-12-il xahar li ġejjin. Il-MPE se jiskrutinizzaw il-ħidma tagħha matul is-sena li għaddiet u jiżguraw li t-tħassib ewlieni tal-Ewropej jiġi indirizzat, bħas-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima. Id-dibattitu se jsir fi Strasburgu fl-14 ta’ Settembru.

Enerġija

Is-sigurtà tal-enerġija ħarġet bħala tħassib ewlieni mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, li wasslet għal qabża qawwija fil-prezzijiet taż-żejt u tal-gass madwar l-Ewropa u d-dinja. Il-Parlament mistenni jivvota fuq miżuri biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi u tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, inklużi regoli ġodda dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

Charger komuni

Il-Parlament huwa stabbilit li jagħti dawl aħdar regoli li jistabbilixxu charger wieħed għal tagħmir elettroniku bħal mowbajls, tablets u headsets. Sal-ħarifa tal-2024, USB Type-C se jsir iċ-charger standard fl-UE irrispettivament mill-manifattur. Il-bidla se tnaqqas l-iskart elettroniku u tagħmel il-ħajja tal-konsumaturi aktar faċli.

Pagi minimi

L-ewwel leġiżlazzjoni tal-UE dwar pagi minimi adegwati għandha tiġi adottata mill-Parlament f’Settembru. Jeħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jiżguraw li l-paga minima statutorja nazzjonali tagħhom tippermetti livell ta’ għajxien deċenti. Il-MPE jistennew li r-regoli se jirriżultaw fi tkabbir reali fil-pagi u jgħinu fit-tnaqqis tal-faqar fost dawk li jaħdmu u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi.

Ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol

Il-Parlament mistenni japprova abbozz biex tiżdied il-parità fil-bordijiet f’kumpaniji kbar. Id-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet se tintroduċi proċeduri ta’ reklutaġġ trasparenti fil-kumpaniji, sabiex mill-inqas 40 % tal-karigi ta’ direttur mhux eżekuttiv jew 33 % tal-karigi ta’ direttur kollha jkunu okkupati mis-sess inqas rappreżentat.

Il-MPE se jibdew ukoll negozjati mal-Kunsill dwar id-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi, li tobbliga lil ċerti kumpaniji jiżvelaw is-salarji tal-irġiel u n-nisa fl-istess pożizzjoni u funzjoni, u b’hekk ikun aktar faċli li jitqabblu s-salarji u jesponu d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi.

Ħaddiema tal-pjattaformi

Il-MPE se jimxu ’l quddiem fuq direttiva biex itejbu d-drittijiet tal-ħaddiema ta’ pjattaformi diġitali, bħal Uber u Deliveroo. Ir-regoli proposti għandhom l-għan li jiżguraw li dawn il-ħaddiema jingħataw status ta’ impjieg li jikkorrispondi għall-arranġamenti tax-xogħol tagħhom.

Huwa stmat li disgħa minn kull għaxar pjattaformi fl-UE bħalissa jikklassifikaw lin-nies li jaħdmu permezz tagħhom bħala li jaħdmu għal rashom. Mit-28 miljun ruħ li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi, 5.5 miljuni jistgħu jkunu attwalment ikklassifikati ħażin. B’riżultat ta’ dan, xi nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali huma mċaħħda mid-drittijiet tax-xogħol u soċjali li jiġu mal-istatus ta’ impjieg.