Afganistan: Il-MPE jitolbu tluq sikur taċ-ċittadini tal-UE u dawk Afgani, u li l-kriżi umanitarja tkunu indirizzata b’mod urġenti
Wara l-iżviluppi drammatiċi tal-aħħar jiem u sigħat, Membri Parlamentari Ewropej ewlenin ħarġu d-dikjarazzjoni li ġejja.
“Aħna niddeploraw id-diżastru politiku, militari u morali reċenti fl-Afganistan u nesprimu t-tħassib profond tagħna dwar is-sitwazzjoni. L-irtirar mgħaġġel tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO mill-pajjiż mingħajr kundizzjoni u l-kollass xokkanti tal-istituzzjonijiet Afgani u l-forzi tas-sigurtà tiegħu ippermettew lit-Taliban jieħu l-pajjiż b’mod rapidu bla mistenni.
F’dan il-mument kritiku u drammatiku, l-azzjoni umanitarja tipprevali fuq kollox. Nappellaw b’mod urġenti lill-partijiet kollha biex jiżguraw u jiffaċilitaw it-tluq sikur u ordnat ta’ ċittadini barranin u Afgani li jixtiequ jitilqu mill-pajjiż. It-tluq mill-ajruport ta’ Kabul għandu jkun assigurat bil-mezzi kollha. Aħna nġorru responsabbiltà morali għal dawk li ħadmu għall-entitajiet tal-UE, għas-sħab tan-NATO u organizzazzjonijiet oħra internazzjonali u tas-soċjetà ċivili. Inħeġġu lil dawk f’pożizzjonijiet ta’ poter u awtorità fl-Afganistan biex jastjenu mill-vjolenza u jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, u l-kisbiet tal-aħħar 20 sena fl-oqsma tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, id-dritt ta’ edukazzjoni, kura tas-saħħa u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku.
L-UE, flimkien ma’ sħab oħra, jeħtieġ li tindirizza b’mod urġenti l-kriżi umanitarja fil-pajjiż u fir-reġjun, ikkawżata mill-kunflitt, in-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel, nixfiet u l-pandemija COVID-19. Huwa fl-interess tagħna stess li nipprevjenu kriżi oħra tal-migrazzjoni. L-UE teħtieġ tiżviluppa Strateġija ġdida għall-Afganistan u r-reġjun skont iċ-ċirkostanzi l-ġodda, meta tqis li r-Russja u ċ-Ċina se jippruvaw malajr jimlew il-vojt politiku. B’mod partikolari, il-Pakistan, l-Iran u l-Indja għandhom jiġu mħeġġa biex ikollhom rwol kostruttiv fl-Afganistan.”
Id-dikjarazzjoni nħarġet minn David McAllister, President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Tomas Tobé, President tal-Kumitat għall-Iżvilupp u Petras Auštrevičius, President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Afganistan.