75 każ ġdid ta’ melanoma fis-sena
“Qed ikun hemm madwar 75 każ ġdid ta’ melanoma fis-sena, b’disa’ imwiet li qed jiġu rappurtati fi 12-il xahar”.
Dan tħabbar minn Dr. Lawrence Scerri, dermatoloġista, f’intervista li saritlu minn Voice of the Workers fl-Isptar Boffa fil-jiem li għaddew.
Hu qal li għall-popolazzjoni tagħna, dawn iċ-ċifri huma sinifikanti.
Dr. Scerri qal li l-problema tal-cancers fil-ġilda hi topika u l-għarfien qiegħed dejjem jiżdied speċjalment fejn għandha x’taqsam ir-rabta tal-cancers tal-ġilda max-xemx, jew aħjar, mar-raġġi l-ultraviolet.
Hu qal li dan is-suġġett jirrelata ħafna mal-qasam tax-xogħol, partikularment ma’ min jaħdem fuq barra. Allura l-ħaddiem ikun espost għar-raġġi tax-xemx u forsi ma jużax il-protezzjoni meħtieġa. Dr. Scerri saħaq dwar l-obbligi ta’ min iħaddem biex jara li l-ħaddiema li jaħdmu fuq barra jkollhom il-protezzjoni neċessarja sabiex inaqqsu r-riskju.
Mistoqsi x’tip ta’ kampanji ta’ informazzjoni qed isiru fil-pubbliku, Dr. Scerri spjega li Malta hi involuta fil-Euro Melanoma Campaign.
Dr. Scerri qal li din il-kampanja ilha għaddejja 20 sena tant li jintgħażlu temi differenti biex ikunu indirizzati aspetti differenti tal-problema.
Dr. Scerri żied li, minn studji li saru, jidher biċ-ċar li n-nies huma konxji ħafna mill-problema tal-melanoma.
Id-dermatoloġista żied li qed nitkellmu fuq pajjiż, Malta, li hu qrib tal-kontinent Afrikan, bi klima xemxija tant li nofs is-sena hi esposta għad-dawl u r-raġġi tax-xemx. Hu qal li jekk wieħed jara r-rapport tat-temp jinduna li l-indiċi tal-UV ikun għoli, b’indikazzjoni dwar kemm tkun qawwija x-xemx fuq il-gżejjer Maltin.
Dr. Scerri kompla li nofs il-popolazzjoni għandha ġilda bajda u allura dawn in-nies ikunu iżjed suxxettibbli għall-ħsara tax-xemx.
Voice of the Workers staqsa jekk il-cancers relatati max-xogħol humiex qed ikunu ta’ piż fuq l-ekonomija ta’ Malta. Hu qal li hemm proporzjoni tal-pazjenti li jżuru l-Isptar Boffa li għandhom problemi ta’ kanċer fil-ġilda jew xi leżjonijiet li jwasslu għall-marda. Dr. Scerri qal li dawn il-cancers jerfgħu ċertu piż sostanzjali iżda hu u l-kollegi tiegħu jibqgħu jipprovdu l-aqwa s-servizz lill-pazjenti.
Hu stqarr li dawn it-tip ta’ cancers ma jagħtux riżultati immedjati.
Dr. Scerri enfasizza dwar il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni lill-pubbliku u la nafu li l-akbar kawża hi x-xemx, għandha tissokta l-mentalita’ tal-prevenzjoni bl-applikazzjoni ta’ sun creams (b’Factor 50 jew aktar), li nevitaw l-agħar ħinijiet tax-xemx, nilbsu ħwejjeġ adekwati, kpiepel u nuċċalijiet.