12% tad-djar Maltin jaqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma
Waħda minn kull tmien familji f’Malta waqgħu lura fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma , skont stħarriġ dwar iż-żieda tal-għoli tal-ħajja fl-Ewropa u l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19.
Skont dan l-istudju li sar mill-Eurofound, 12% tad-djar Maltin iddikjaraw li għandhom kontijiet b’lura fil-ħlas tal-enerġija. Għalkemm meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa r-rata hi relattivament baxxa, dan għandu jittieħed fil-kuntest tal-fatt li r-rati f’Malta baqgħu l-istess minkejja ż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-fuel. Konsegwentement, jekk il-gvern ma jkunx jista’ jibqa’ jassorbi l-ispejjeż addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, ikollu jżid it-tariffi. Dan ikun ifisser inkwiet għal eluf ta’ familji li diġà bilkemm qed ilaħħqu mal-ħajja.
Ħarsa aktar fid-dettal tal-istatistika turi li l-pajjiżi bl-inqas persentaġġ ta’ familji b’arretrati fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma d-Danimarka u l-Iżvezja b’madwar 7%, Barra minn hekk, il-perċentwali rispettivi tal-Ġermanja, l-Olanda, iċ-Ċekja, l-Estonja u l-Awstrija huma inqas minn Malta. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fil-Greċja u Ċipru hija allarmanti ħafna. Skont il-Eurofound nofs id-djar fil-Greċja qed jaqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tagħhom, segwiti minn Ċipru b’39%.
Dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ ġew mistoqsija wkoll jekk kienux imħassba li fil-futur kien se jkollhom problemi biex iħallsu l-kontijiet. Il-livelli ta’ tħassib varjaw bejn 12% f’Malta, li kellha l-inqas rata sa 63% fil-Greċja. L-istatistika turi li dawk li diġà għandhom arretrati probabbilment huma l-aktar inkwetati dwar dan.
L-energy poverty, it-terminu użat għal dawk li ma jaffordjawx iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għolliet rasha b’mod partikolari wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna aktar kmieni din is-sena. Dan għaliex ħafna mill-Ewropa kienet tiddependi mir-Russja u f’daqqa waħda diversi pajjiżi fosthom il-Ġermanja u l-Italja sabu ruħhom irid jġibu ż-żejt u l-gass minn pajjiżi oħra. Dan wassal biex madwar id-dinja splodew il-prezzijiet tal-fuel. Fil-fatt, f’sentejn biss in-numru medju ta’ familji fl-UE li waqgħu lura fil-kontijiet żdied minn 11% fl-2020 għal 16% din is-sena. Bl-istess mod, dawk li wieġbu li esprimew tħassib li jistgħu jiffaċċjaw problemi fil-futur qrib telgħu għal 28%.
Filwaqt li dawk li jaqgħu lura fil-kontijiet tal-utilitajiet hemm ċans akbar li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, anke dawk li wieġbu li m’għandhom l-ebda dejn fuq il-propjetà qalu li qed isibu problemi meta mqabbel mas-snin l-imgħoddija.