Nibżgħu għad-demokrazija
Il-pilastri fundamentali tad-demokrazija, partikularment elezzjonijiet regolari u onesti, media ħielsa, is-saltna tad-dritt u d-drittijiet tal-minoranzi, huma taħt attakk madwar id-dinja.
Rapport pubblikat minn Freedom House, jgħid li s-sena l-oħra kienet it-tnax-il waħda konsekuttiva fejn in-numru ta’ pajjiżi li qed isiru aktar liberi ġew megħluba minn dawk inqas li jridu jkunu ħielsa. L-awturi tar-rapport ikkonkludew li d-demokrazija tinsab fi kriżi u ħafna minn dawk il-pajjiżi li jibqgħu demokratiċi mhux qed jiffunzjonaw bħala tali.
L-Indiċi dwar id-Demokrazija, pubblikat mir-rivista influwenti The Economist fil-jiem li għaddew, wera kif Malta ħadet tisbita kbira fejn tidħol id-demokrazija – l-ikbar tisbita fl-Ewropa tal-Punent. Dan ir-riżultat inkiseb wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Malta wkoll ġarrbet prestazzjoni ħażina fl-indiċi li għandu x’jaqsam mal-liberta’ tal-espressjoni.
X’qed jiġri lid-demokrazija f’pajjiżna u lil hinn minna?
L-iżmantellar tal-liberta’ jibda minn attakki fuq il-‘gwardjani’ tad-demokrazija: il-media mhux imxekkla, il-ġudikatura indipendenti u l-livell bażiku ta’ rispett lejn l-oppożizzjoni. Artikolista tal-ġurnal The Guardian jisħaq li “il-liberta’ ma timbelax f’daqqa, imma f’serje ta’ biċċiet żgħar”.
Analisti politiċi qed isaħħu l-argument dwar kemm għandna nkunu preokkupati u x’wassal biex id-demokrazija f’pajjiżna, b’mod partikulari, u fl-Ewropa b’mod ġenerali, qed tkun imkasbra. Nistgħu nelenkaw xi indikaturi ċari dwar x’qed imur ħażin.
Il-populisti tax-xellug u tal-lemin sfruttaw ir-rabja tal-votanti sabiex jiksbu appoġġ u siġġijiet parlamentari fl-Ewropa. Ir-riżultat hu li xi wħud irnexxilhom jirbħu l-poter f’xi pajjiżi, u f’postijiet oħrajn għamluha diffiċli lill-partiti ewlenin sabiex jiffurmaw koalizzjonijiet vijabbli, bħalma sar fl-Olanda u fil-Ġermanja. Din il-mewġa għadha ma nkisritx. Qabel l-elezzjonijiet fl-Italja f’Marzu, il-populisti tax-xellug u tal-lemin jinsabu fuq quddiem skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika tant li diġa’ ġabu magħhom żewġ terzi tal-elettorat.
Il-populisti qed japprofittaw fil-votazzjonijiet billi jgħidu lill-votanti li d-demokrazija m’għadhiex teżisti jew qiegħda hemm biss għall-elitisti.
F’pajjiżi fil-Punent li kienu jippromwovu l-valuri liberali, hemm dak li l-Human Rights Watch issejjaħ bħala “assalt frontali fuq il-valuri tal-inklussivita’, it-tolleranza u r-rispett”. L-Amerika hi maħtufa minn Trump, l-Ingilterra hi ossessjonata bil-Brexit u l-Ġermanja qed titħabat sabiex iżżomm gvern. Ilkoll huma fraġli internament.
U f’pajjiżna, x’qed naraw? Nuqqas gravi ta’ trasparenza u kontabbilta’, it-tmermir tas-saltna tad-dritt, l-ineżistenza tal-meritokrazija, biex insemmu xi ftit. Dan meta l-Gvern attwali kien wiegħed li jagħmel lil Malta l-aqwa fl-Ewropa. Minflok pajjiżna kiseb l-agħar klassifika fejn tidħol id-demokrazija.
Meta wieħed jaqra d-diversi rapporti dwar il-periklu għal-liberta’ madwar id-dinja, jista’ jiġi xprunat għal konklużjoni ddisprata li d-demokrazija qed tmut. Dan il-fataliżmu jkun żball kbir, bħas-suppożizzjoni li d-demokrazija tkun kullimkien u trijonfanti b’mod permanenti.
Madankollu, id-demokrazija mhix iddestinata biex tfalli imma trid tiġġedded u tissaħħaħ għal kull ġenerazzjoni. L-akbar żball li nistgħu nagħmlu dwar id-demokrazija hu li neħduha bħala fatt.