Il-Parlament Ewropew approva b’546 voti favur, 47 kontra u 31 astensjoni liġi ġdida, maqbula mal-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2023, biex tiżgura li l-individwi u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku bħad-drittijiet fundamentali, l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, il-protezzjoni tad-demokrazija jew il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni jingħataw protezzjoni tal-UE kontra kawżi infondati u abbużivi. Il-protezzjoni se tapplika għall-każijiet li jinvolvu kawżi li jsiru minn ġuriżdizzjoni nazzjonali għall-oħra. Għalhekk din teskludi dawk il-każijiet fejn kemm il-konvenut kif ukoll ir-rikorrent ikunu mill-istess pajjiż tal-UE bħall-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża jew meta l-każ ikun rilevanti biss għal Stat Membru wieħed.

Salvagwardji finanzjarji dissważivi

Il-Membri tal-PE żguraw li l-vittmi jkunu protetti b’mod aktar robust bl-introduzzjoni ta’ żewġ salvagwardji – ċaħda bikrija jekk il-każ ma jkunx fondat, u l-possibbiltà li r-rikorrent jintalab iħallas l-ispejjeż stmati tal-proċedimenti, inkluża r-rappreżentanza legali tal-konvenut, u d-danni. Jekk il-konvenut jitlob ċaħda bikrija, ikun f’idejn ir-rikorrent li jagħti prova li hemm raġunijiet biex il-proċedimenti jkomplu. Il-qorti tista’ timponi wkoll penali oħra fuq ir-rikorrenti, li spiss ikunu politiċi, korporazzjonijiet jew gruppi ta’ lobbying, bħal pereżempju tordnalhom iħallsu kumpens għad-danni.

Rimedji għal każijiet mhux tal-UE u aċċess għall-informazzjoni

Sabiex tiġi evitata għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni, jew “forum shopping”, jiġifieri meta r-rikorrent jagħżel il-ġuriżdizzjoni fejn iċ-ċansijiet tiegħu li jingħata r-raġun ikunu l-ogħla, ir-regoli l-ġodda jiżguraw li s-sentenzi ta’ pajjiżi terzi fi proċedimenti infondati jew abbużivi kontra individwi jew istituzzjonijiet mill-UE ma jiġux rikonoxxuti.

Il-gvernijiet tal-UE se jiżguraw ukoll li l-vittmi potenzjali ta’ kawżi abbużivi jkunu jistgħu jaċċessaw f’post wieħed l-informazzjoni dwar is-salvagwardji u r-rimedji proċedurali, inklużi l-għajnuna legali kif ukoll l-appoġġ finanzjarju u psikoloġiku. L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li fi proċedimenti ċivili transfruntiera tingħata l-għajnuna legali. Huma se jkunu meħtieġa wkoll jippubblikaw is-sentenzi finali kollha fil-kawżi SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) u jiġbru data dettaljata dwarhom.

Il-passi li jmiss

Id-direttiva se tidħol fis-seħħ 20 jum wara li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-Istati Membri mbagħad se jkollhom sentejn biex jittrasponu r-regoli fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Sfond

Fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta’ SLAPPs fl-UE, f’riżoluzzjoni tal-2021 il-Membri tal-PE pproponew miżuri biex il-ġurnalisti, il-mezzi tal-media u l-attivisti jiġu protetti minn fastidju ġuridiku. Bl-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-Membri tal-PE qegħdin iwieġbu għall-proposti taċ-ċittadini inklużi fil-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.